Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Is-Salib u L-Maltin

FTIT DRAWWIET MILL-ISTORJA


minn Guido Lanfranco

Kullfejn timmaġina tista’ ssib ix-xbiha tas-salib fil-gżejjer tagħna. Minbarra fil-knejjes insibu s-salib magħmul minn kull materjal, metall rikk jew komuni, injam u ġebel, fit-toroq, fin-niċec jew fuq il-kolonni, fiċ-ċimiterji, fid-djar, f-istituzzjoinijiet, fil-qrati u fl-iskejjel. Jista’ jkun pinġut fuq ħitan u fl-inkwadri, mudellat, skolpit, waħdu jew ma’ figuri oħra. Insibuh fuq vetturi fuq mezzi ta’ trasport fuq l-art u l-baħar, fil-funerali, jinġarr fuq il-persuna, fis-santi, domni u kuruni, merfugħ fil-pellegrinaġġi u l-purċissjonijiet. Mhux biss napprezzaw l-għadd kbir ta’ slaleb li hawn ma’ kullimkien imma wkoll irridu naraw l-iskopijiet li għalihom dawn is-slaleb saru u l-istorja li hemm wara bosta minnhom. F’din il-kitba qasira nieħdu biss għażla mill-aktar ċkejkna ta’ slaleb ta’ nteress ġenerali u mhux se niddiskutu slaleb u Kurċifissi li għandhom konnessjoni diretta ma’ l-Ordni ta’ San Ġwann, u lanqas fuq dawk li għandhom leġġenda assoċjata magħhom.

Ħafna rġiel Maltin kien ikollhom salib tatoo fuq id-dirgħin u għadna narawh ukoll xi ftit fi żmienna. Jingħad li fl-aktar żminijiet antiki, fi żmien l-Għarab, l-Insara Maltin kienu jagħmlu dan is-salib biex jiddistingwihom mill-Misilmin. Wieħed Għarbi, Faris ibn Yusuf ibn Mansur ash-Shidyaq kien ġie Malta mill-1834 sal-1848 biex jieħu ħsieb l-istamperija missjunarja Amerikana u kiteb ħafna dwar id-drawwiet tal-Maltin. Fost affarijiet oħra qal li l-Maltin tant jemmnu fis-Salib li jgħidu li dan issibu saħansitra fil-għamla tal-bniedem stess, meta dan jiftaħ jdejh it-tnejn u jistirhom lejn il-lemin u x-xellug filwaqt li jżomm rasu wieqfa.


Huwa magħruf li fis-seklu tmintax in-negozjanti Maltin li kienu jbaħħru mill-Isla lejn Spanja kollha kienu jsemmu l-brigantin tagħhom Santissimo Crocifisso jew Santo Crocifixo u ma’ dan l-isem primarju jżidu isem sekondarju bħal Santo Crocifisso e l’Anime del Purgatorio. Jidher li din id-drawwa oriġinat mid-devozzjoni li kien hemm fl-Isla lejn il-Kurċifiss.


MAL-ĦITAN

Diversi għerien fil-gżejjer tagħna kienu użati bħala postijiet ta’ devozzjoni jew santwarji. Wieħed minn dawn l-għerien jinstab fejn jiltaqgħu Wied il-Kbir u Wied Ħanżira fil-limiti ta’ Ħal Qormi u huwa magħruf bħala l-Għar tas-Slaleb. Meta tidħol fih minn passaġġ dejjaq, issib spazju ovali tawwali li mal-ġnub għandu bħal kolonni jew pilastri mill-istess blat. Matul iż-żewġ naħat jidhru għadd ġmielu ta’ slaleb ta’ kull daqs u għamla mnaqqxin fil-blat tal-ħitan. Minbarra postijiet oħra fejn kien hemm slaleb mal-ħitan nistgħu insemmu li fil-Kastell t’Għawdex kien hemm knisja żgħira tas-Salvatur u ġewwa fuq il-ħajt kellha mpitter Kurċifiss bil-Madonna u San Ġwann l-Evanġelista ma’ ġenbu; dan kien baqa’ jissemma’ sa nofs is-seklu tmintax.


SLALEB TA’ PREĠJU


Ħafna huma ċ-ċerimonji fil-knejjes u f’okkażjonijiet speċjali li fihom jidħol is-salib, u għal dawn l-okkażjonijiet spiss jintużaw slaleb jew Kurċifissi speċjali u rikki; ukoll jekk ma jkunux prezzjużi kien ikollhom rwol importanti. Sa nofs is-seklu għoxrin il-viżti pastorali kienu aktar spissi u elaborati, kollha pompa u ċerimonji barra fit-triq u ġewwa l-knisja. Bħala eżempju nsemmu l-viżta pastorali ta’ l-isqof Ferdinando Mattei fil-parroċċa ta’ San Pawl tal-Belt li saret fis-26 ta’ Frar 1809 filgħodu. Wara proċessjoni twila u mlewwna l-isqof qagħad għarrkobbtejh kif wasal fil-bieb tal-knisja u bies salib żgħir tal-fidda li kien f’idejn l-arċipriet. Wara komplew aktar ċerimonji u quddiesa.


Meta kienu jakkumpanjaw il-parroċċi kollha fil-pellegrinaġġ ta’ San Girgor lejn iż-Żejtun mhux biss kien ikun hemm l-istandardi tal-fratellanzi imma wkoll is-slaleb tal-kleru u ta’ l-ordnijiet reliġjużi. F’Jannar tal-1614 id-Dumnikani tal-knisja ta’ l-Annunzjata tal-Birgu ġabru xi fided li kellhom u d-deċidew li jdewwbuhom u bihom jagħmlu salib. Għaddewhom lill-arġentier Giovanni Rossell mill-istess belt u qalulu li kellhom bżonn is-salib qabel San Girgor. L-ispeċifikazzjonijiet tiegħu kienu kemxejn komplikati. Kellu jkun ta’ erbat artal, bil-Kurċifiss fuqu, taħtu boċċa tar-ramm indurata bix-xbihat ta’ tnax-il appostlu madwarha. ’L fuq mill-Kurċifiss kellu jidher is-simbolu ta’ l-Ispirtu Santu u taħtu s-simbolu tal-mewt; fuq ix-xellug kellu jidher l-Anġlu Gabriel u fuq il-lemin tidher l-Annunzjata. Fuq ir-rivers jew wara tas-salib riedu l-immaġni ta’ San Duminku, San Tumas t’Akwina, San Pietru martri Dumnikan, San Vinċenz u Santa Katarina ta’ Sjena.


Fl-1886 l-Isla ċċelebrat l-ewwel ċentinarju tal-Kolleġġjata. L-arċipriet tal-Birgu l-kanonku Paolo Xuereb ħalla s-salib pettorali kanonikali tiegħu tad-deheb bil-kurdun u l-ħajta tad-deheb, lill-Kapitlu ta’ l-Isla bil-patt li fil-festi jdendluh m’għonq l-istatwa titulari tal-Bambina. Bosta slaleb artistiċi u ta’ materjal fin ġew irregalati minn individwi, familji, qassisin u reliġjużi u xi personalitajiet oħra lil diversi knejjes. B’eżempju ta’ materjal varju li minnu kienu magħmulin is-slaleb, ta’ min isemmi l-Kurċifiss ta’ l-avorju ġo kaxxa li tħalla għall-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ħal Tarxien mill-prokuratur tagħha stess Dun Franċesco Penza.


TA’ BARRA L-IMDINA


Niltaqgħu ma’ għadd kbir ta’ slaleb fit-toroq tal-bliet u rħula, qalb il-bini jew fil-beraħ tal-kampanja. Kif għedna qabel hawn insemmu biss ftit eżempji ġenerali. Is-salib fuq il-kolonna ta’ barra l-Imdina, li qiegħed fil-ġnien (Howard Garden) jidher li hu antik ħafna. Kitba tas-seklu sbatax tgħid li kienet issir proċessjoni mill-kattidral lejn dan is-salib f’Ħadd il-Palm u hemm kien jitkanta l-Passju skond San Mattew. Fl-istess jum jitqiegħdu ftit weraq tal-palm u żebbuġ f’għamla ta’ salib u kienu jitħallew hemm is-sena kollha. Dawn kienu jaħarquhom fl-aħħar jum tal-karnival biex jintużaw l-għada għall-irmied ta’ Ras ir-Randan. F’kitba oħra aktar bikrija tal-1475 u ta’ ftit wara, jingħad li l-kappillani ta’ l-isptar Santu Spirtu tar-Rabat kienu jqiegħdu weraq tal-palm u weraq tal-larinġ fuq dan l-istess salib. Ħadd ma jaf eżatt meta nbena dan is-salib imma hermm inin jaħseb li kien twaqqaf biex jimmarka fejn darba kien il-kunvent oriġinali ta’ l-Agostinjani li kellu jitwaqqa’ biex ma jfixkilx lid-difensuri ta’ l-Imdina waqt li kien hemm l-invażjoni tat-Torok fl-1551. Din ic-cerimonja sfortunatament ma baqgħetx issir aktar mill-aħħar snin tas-seklu għoxrin.


SLALEB FUQ L-GĦOLJA TA’ GĦAMMAR


Frenċ ta’ l-Għarb (1892-1967), raġel twajjeb ta’ l-Għarb, devot kbir tal-Madonna li kien jinvolviha fir-rimedji popolari tiegħu, kien ried li joħloq pellegrinaġġi ta’ penitenza mill-knisja tal-Madonna Ta’ Pinu għal fuq l-għolja ta’ Għammar. Għall-ewwel kien għamel speċi ta’ niċċa ġo biċċa ġebla mħaffra mqiegħda fuq ħajt fuq din l-għolja, b’santa tal-Madonna fiha, imma l-isqof ma riedx li jinbdew devozzjonijiet ġodda u Frenċ kellu jneħħiha. Imma hu kellu f’moħħu li xi darba għad isiru pellegrinaġġi bl-istazzjonijiet tar-Rużarju jew tal-Via Sagra, għalhekk darba minnhom waħħal salib ta’ l-injam fuq l-għolja miżmum f’postu f’borġ ġebel biex iservi għall pellegrinaġġi. Fl-1964 twaqqaf salib tal-konkrit fuq l-għolja ta’ Għammar. Saru erbatax-il salib ta’ l-injam, tbierku mill-isqof fil-kurja u twaħħlu matul l-għolja biex f’posthom, maż-żmien jitqiegħdu statwi kbar tal-Via Sagra. Sar kumitat apposta u fl-1969 tqabbad Alfred Camilleri Cauchi biex jagħmel il-mudelli ta’ dawn l-istatwi u mbagħad fuqhom inħadmu fl-Italja mill-irħam ta’ Carrara. Dawn bdew jaslu fis-snin tmenin u tpoġġew f’posthom wara li tlestew il-pedestalli. Is-sett mhux identiku ma’ dawk tradizzjonali imma għandhom tibdiliet oriġinali, fosthom li jispiċċa bl-Irxoxt.   

SALIB TAD-DEJMA

F’salib it-toroq qabel toħroġ minn Ħal Tarxien biex tmur lejn Ħaż Żabbar jew għaż-Żejtun hemm salib tal-ġebel fuq pedestal. Dan qiegħed minflok ieħor oriġinali li kien magħruf bħala Tad-Dejma. Is-salib oriġinali tqiegħed hemm fi żmien Camillo Formosa li kien sar kappillan ta’ Ħal Tarxien fl-1572. Hu maħsub li beda jiġi magħruf bħala Salib Tad-Dejma minħabba li f’dak il-post strakkament ta’ l-għassa kien ġie stabbilit wara li kienet seħħet l-invażjoni minn Dragut fl-1551. Fi żmien kien hemm fuqu Kristu Msallab. Kien ġie mogħti indulġenzi fl-1756 għal min jgħid Paternoster quddiemu. Wara kien trasferit għaċ-Ċimiterju ta’ l-Erwieħ għax fit-triq, suldati Ngliżi ta’ l-inħawi kienu qed jagħmlulu d-dispetti u l-insulti. Fil-festi tas-Salib u żmien il-Ġimgħa l-Kbira kienu jżejnuh bid-dwal u d-damask. Fiċ-ċimiterju stess kienu reġgħu ċaqalquh. Is-salib il-ġdid sar fit-triq u nagħta ndulġenzi għal min jgħid Kredu quddiemu. Dan ukoll, fl-1976 kien ġie mċaqlaq aktar lejn il-ġenb minħabba li kien hemm bżonn aktar spazju għall karrozzi.

0