Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Jum l-Erbgħa tal-Ġimgħa Mqaddsa niltaqgħu mal-karattru ta’ Ġuda t-traditur.


L-aktar element espressiv tal-episodji tat-tbatija ta’ Kristu x’aktarx li huwa l-konfużjoni fl-episodju tat-tradiment. Immedjatament naraw l-għoljiet u l-qċaċet tal-kundizzjoni umana. F’din id-drama aħna nitmexxew f’kontroversja li tisfidana biex nagħrfu d-dawl qalb dlam li taqgħtu b’sikkina. F’din il-konfużjoni jeżiżti dan l-antagoniżmu li jżid aktar l-umanità tal-istorja. Jeżiżtu ħafna emozzjoniet fil-ġrajjiet evanġeliċi varji li jirrakkuntaw il-ġrajja tat-tradiment: il-ħbiberija u l-fiduċja, mqiegħda max-xeħħa, mal-qerq u mal-biża’. Mhux talli Kristu ma kellux it-toqol li jissaporti l-infedeltà ta’ Ġuda talli jinsab assedjat ukoll mill-abbandun ta’ oħrajn mit-tnax li kien għażel.


Forsi l-aktar ġrajja qawwija li tirrakkonta l-ħarba tad-dixxipli hija dik li nsibu f’Mark 14:50-52. F’dan l-episodju d-dixxipli mhux biss telqu lill-Imgħallem tagħhom imma wkoll waqt li kienu qiegħdin jagħmlu hekk ħallew kollox warajhom. Dan l-episodju huwa f’kuntrast dirett mas-sejħa oriġinali ta’ Kristu biex iħallu kollox u jingħaqdu miegħu (ara Mt 8:22; Mk 10:29). Għad-dixxipli l-biża’ tal-kundanna u l-mewt kienet akbar mir-rimi ta’ Dak li fih fittxew is-salvazzjoni. Kontra dan ix-xenarju ta’ konfużjoni u ġlieda naraw fejn tista’ twassal l-umanità waqt li Kristu huwa meħud biex isofri s-sagrifiċċju tiegħu. Dawn id-dimensjonijiet varjati għandhom inisslu fina idea ħajja kemm ma nistgħux norbtu fuq l-umanità tagħna. L-isforzi individwali u żgħar tagħna mhumiex biżżejjed biex nikbru tabilħaqq. It-tama tagħna qiegħdha filli ndawru ħajjitna lejn Dak li ħa ġisimna u ħelisna mid-dlamijiet. B’referenza għall-ġrajjiet u l-persuna tal-Messija, it-Testment il-Qadim ippreżenta lil dawk li jemmnu l-mezz tat-twemmin u l-għarfien li bih l-idea ta’ Kristu bħala l-Messija tkun tista’ tiġi mifhuma. It-Testment il-Qadim jissokta jagħmel dan il-mezz għad-disponibbiltà għall-qarrejja kontemporanji tal-fidi.


Jeżiżtu żewġ Salmi Messjaniċi fuq Ġuda l-Iskarjota. Dawn insibuhom fis-Salm 41 u Salm 55. Fis-Salm 41 insibu hekk: “Mqar ħabibi, li fih kont nafda, li kiel minn ħobżi, ntrefa' kontrija” (vers 10). Fis-Salm 55 insibu hekk: “M'huwiex xi għadu dak li jċanfarni; li kien hekk, kont nissaporti. M'hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; li kien hekk, kont ninħeba minnu. Imma int, wieħed bħali, sieħbi u ħabib tal-qalb, li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta' Alla. (S 55:13-15).


It-tbatija ta’ Kristu bdiet mat-tradiment ta’ Ġuda. Kristu huwa mibjugħ mid-dixxiplu li fih kien afda. Meta wieħed jara r-referenzi profetiċi tat-tradiment iqumu żewġ mistoqsijiet importanti: L-ewwel, min kien dak li ħeles? It-tieni, kif it-Testment il-Qadim ipinġi lit-traditur u l-ġrajjiet li jwasslu għall-mewt ta’ Kristu fuq is-salib?


Ġwanni jgħidilna fuq il-kliem ta’ Kristu lil Pilatu. Jiġifieri fuq il-bniedem li, fl-aħħar mill-aħħar, se jagħti s-sentenza lil Kristu u se jordna l-mewt tiegħu. “Min ta lili f'idejk għandu ħtija akbar” (Ġw 19:11). Liema huma l-passaġġi tat-Testment il-Qadim li juruna li l-Messija se jkun miċħud? Nistgħu nispeċifikaw l-karatteristiċi ta’ “dak li ta” lil Ġesù lill-awtoritajiet Lhud u, eventwalment lil Pilatu, il-gvernatur Ruman. Ħa naraw ftit kif it-Testment il-Qadim jagħtina kwadri ta’ dan il-magħruf traditur.

It-testi li jirreferu speċifikament għat-traditur huma Salmi 41:10 u Salm 55:13-15. Se nfissru dawn it-testi fid-dawl profetiku tagħhom bil-għan li nistabilixxu ritratt tat-traditur biex nuru l-verità tal-messaġġ profetiku b’rabta mal-ġrajjiet tan-narattivi tal-vanġelu. Is-sustanza taż-żewġ passaġġi tat-Testment il-Qadim huwa d-diżappunt kbir tas-Sultan David li iddiżappunta ruħu bil-kbir mhux biss minħabba l-għemejjel tal-għedewwa tiegħu imma wkoll bl-għemejjel tal-ħabib intimu u kunsillier tiegħu li qabel mal-għedewwa tiegħu.


L-identità magħluqa tat-traditur f’dawn is-salmi hija gradwalment murija. Bħalma hi, wara kollox, fit-twettieq tagħha fl-evanġelju.


Kemm f’sens wiesa’ u anki f’sens dejjaq Salm 41 ifakkarna fil-Messija. Fis-sens wiesa’ dan is-Salm iwasslilna asserzjonijiet ġenerali dwar tradiment u l-umiljazzjoni li se jsofrihom il-Messija waqt li jkun se jwettaq ix-xogħlijiet tiegħu bħala sultan, profeta u qassis. Meta wieħed jinterpreta s-Salm 41 b’mod strett wieħed jintebaħ, bħalma jgħidilna il-vers 10, li David, is-sultan, safa ittradut minn ħabib intimu u fdat tiegħu. Ix-xbieha u s-sentiment jinsabu ripetuti fil-ġrajjiet tal-vanġelu. Fis-Salm 41:10 huwa mitmum bir-rakkuntar ta’ Kristu u Ġuda u tax-xena tat-tradiment fil-Ġestemani. Biex naraw il-messaġġ profetiku ta’ dan il-passaġġ fis-sħuħija tiegħu jinħtieġ li nevalwaw il-komponenti sinifikanti tat-test.


Ħabibi. Is-Sultan David jirreferi għal dak li ittradieh bħala “ħabibi”. Fl-ilsien Lhudi din il-frażi hi ish shalom. Din il-frażi hija murija b’implikazzjonijiet ta’ relazzjoni importanti. Fis-Septwaġinta, li hija t-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim għall-Grieg Koine, din il-frażi Lhudija insibuha letteralment bħala “ir-raġel tal-paċi tiegħi” (ho anthropos tes eirenes mou). Bl-istess mod il-verżjoni tal-Vulgata, jiġifieri tat-tradizzjoni tal-Bibbja għall-Latin, tagħtina din il-frazi: homo pacis mae. Fit-traduzzjoni Aramajka tas-Salm 41 hemm iż-żjieda tal-kelma dtb, li tfisser “dak li jfittex”. Għalhekk it-tifsira sħiħa tal-frażi hi “l-bniedem li jfittex il-ġid tiegħi (il-paċi tiegħi)”. Fil-fatt din il-frażi toqgħod sewwa mal-figura ta’ Aħitofel.

Il-frażi oriġinali Lhudija tfisser “kollega, ħabib, kumpann”. Din il-frazi tfisser rabta speċifika u fonda ta’ intimità maqsuma. La t-traduzzjoni Griega u lanqas dik Latina ma joħorġu biżżejjed il-valur metaforiku oriġinali tal-frażi Lhudija. It-tnejn li huma ma joħorġux b’dik il-qawwa l-ideja ta’ relazzjoni stretta bejn dak li ġie ittradut u min ittradixxa.


Fil-ġnien tal-Ġestemani, fi żmien tal-arrest tiegħu, Kristu sejjaħ lil Ġuda “ħabib, kumpann” (hetairos). Dan l-isem joħroġ għad-dawl l-istatus ta’ Ġuda bħala wieħed mill-appostli. Barra minhekk dan l-isem jiġbor il-pożizzjoni tiegħu bħala ħaddiem ma’ Kristu. L-evanġelista Mattew (26:47-50) jirrakkonta x-xena fil-ġnien b’ċarezza partikulari. Huwa jġib flimkien l-att ta’ tradiment minn Ġuda f’konfront mar-rispett li jagħtih Kristu bħala “kumpann”. Il-ġemgħa, il-bewsa, u l-arrest ta’ Kristu waqt li jgħid lil Ġuda b’għafsa ta’ qalb “Ħabib, għalhekk ġejt int!” (Mt 26:50), tagħti piż partikulari lit-tradiment ta’ Ġuda filwaqt li tintensifika l-aspett agonizzanti tal-inċident.


Dak li fih kont nafda. Il-kelma Lhudija hija batachty [“dak li fih] fdajt”). Mela, “[Dak] li fih kont nafda” ġie identifikat ma’ Aħitofel il-Giluni, kunsillier ta’ David, li mar man-naħa ta’ Absalom fil-konfoffa tiegħu kontra s-sultan missieru (ara 2 Sam 15:12). David kiteb Salm 41 wara li sar jaf li ħabibu ingħaqad ma’ Absalom fil-konfoffa tiegħu (ara 2 Sam 15:31; 16:23). Is-salm sħiħ ipoġġi lil David fil-kuntest tal-mard tal-ġisem u l-kalunja li ġiet fuqu mill-għedewwa ta’ madwaru u, l-aktar wieħed, mill-kollega tiegħu stess. Minkejja d-dwejjaq tiegħu David seħħlu jġib fix-xejn ir-ribeljoni ta’ Absalom. Filwaqt li l-kollega tiegħu, Aħitofel, tgħallaq b’rimors u qtiegħ il-qalb għat-tradiment li hu kien wettaq kontra sidu u ħabibu David (ara 2 Sam 17:23).


Fit-Testment il-Ġdid għandna t-twettieq ta’ din il-ġrajja storika tat-Testment il-Qadim. Ġuda kien fdat bil-finanzi tal-grupp (ara Ġw 13:29). Dan id-dettal jurina kemm Kristu kien jafdah. Bħalma seħħ fl-eżempju tat-Testment il-Qadim fil-persuna ta’ Aħitofel Ġuda ingħaqad mal-konfoffa tal-qassisin u l-kittieba li fittxew lil Ġesù biex joqtluh. Ifisser ħafna li Ġuda ħallas l-istess prezz bħal Aħitofel għall-iżball li wettaq għaliex tgħallaq (ara Mt 27:5). Irridu wkoll ninnutaw li ħadd ma jista’ jevita l-ġudizzju meta jkun quddiem Ġesù. Lanqas Ġuda. La Pilatu. U, wisq inqas, il-qarrej tal-vanġelu illum. Għalhekk irridu noqgħodu attenti biex ma niskużawx lilna nfusna mill-konsegwenzi tal-fidi. Irridu nkunu parti ħajja tal-komunità Nisranija. Il-ġrajjiet tal-vanġelu m’humiex eżortazzjonijiet storiċi għall-komunitajiet li m’għandhomx magħna. Anzi! Dawn il-ġrajjiet mill-vanġelu huma maħsuba għal kull ġenerazzjoni ta’ fidi biex jiġu mifhuma u inkorporati fl-għejxien tal-fidi personali u komunitarja.

Li kiel minn ħobżi. Ir-relazzjoni li s-salmista qed jibkieha f’Salm 41 hija dik bejn David u Aħitofel. Din kienet relazzjoni għażiża mibnija fuq fiduċja reċiproka. Bħalma turi l-kelma “ħabib” u anki bid-detall tal-għemil li jieklu flimkien. L-att li wieħed joqgħod bilqiegħdha mal-mejda, mal-kumpanni l-aktar viċini tiegħu, hija tema universali ta’ ospitalità, fiduċja u rabta emozzjonali profonda bejn dawk li jaqsmu l-mejda flimkien.


Fit-test Lhudi “li kiel minn ħobżi”, il-forma tal-verb użata għall-“kiel” (‘okel) hija partiċipju li turi attività kontinwa jew ripetuta. Xi studjużi tal-Bibbja jissuġġerixxu li kienet ikla ta’ patt li kienet maqsuma biex tikkonsagra l-ħbiberija bejn David u Aħitofel. L-użu tal-kelma “ħobż” (lechem) issaħħaħ din l-idea.


Dawn it-temi ta’ repetizzjoni, attività kontinwa, u komunjoni jieħdu tifsira akbar fil-kuntest tat-Testment il-Ġdid tar-relazzjonijiet bejn Kristu u d-dixxipli tiegħu u l-ħajja li qasmu bejniethom. Hekk, ngħidu aħna, l-attività komuni tal-ikla tas-Salm 41 tista’ tiġi mifhuma bħala indikatur ta’ ħafna okkażjonijiet fejn Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu jieklu flimkien. Is-suġġeriment ta’ relazzjoni msejsa fuq l-ikla tal-patt fis-Salm 41 tista’ turi wkoll ir-rivelazzjoni li Ġesù għamel fl-Aħħar Ikla rigward l-identità tat-traditur u tat-twaqqif tal-Ewkaristija (ara Mt 26:20-29; Ġw 13:21-30). Il-frażi “ħobżi” (Salm 41:10) hija referenza għall-“ġismi” (Mt 26:26-29). Jiġifieri tista’ tirreferi għall-ġisem ta’ Ġesù, l-Ewkaristija.


Intrefa' kontrija. Il-kelma Lhudija hidil ‘al ‘aqeb li bl-ilsien Malti hija maqluba għal “intrefa’ kontrija”. Madankollu fi traduzzjonijiet oħra din il-frażi hija maqluba “refa’ għarqubu kontrija”. Din hija frażi użata darba biss. Għalhekk l-isem tekniku tagħha hu hapax legomenon. Hija frażi li tinstab f’Salm 41:10. Meta wieħed jittraduċieha “refa’ għarqubu kontrija” din it-traduzzjoni turi rifsa bl-għarqub tas-sandli. Jew li wieħed jagħti daqqa kbira bis-sieq b’mod brutali. L-idea ewlenija ta’ din il-frażi hija li David u l-familja rjali huma mwarrba u umiljati minn iben ribelluż u minn ħabib intimu li, f’daqqa waħda, dar f’għadu kontriehom. 

Kristu innifsu għadda minn din ir-riferenza bibblika li nkitbet għalih fil-Vanġelu skont San Ġwann: “Jien m'iniex ngħid għalikom ilkoll, għax jien naf x'nies għażilt, imma għandha sseħħ l-Iskrittura li tgħid, 'Min kiel il-ħobż miegħi, tani bis-sieq.' Dan qiegħed ngħidu minn issa, qabel ma jiġri, biex, meta jiġri, temmnu li jiena hu” (jiġifieri Yahweh, il-Mulej) (Ġw 13:18-19). Ġwanni jissokta: “Wara li qal dan, Ġesù ħass ruħu jitħawwad, u stqarr bil-miftuħ: ‘Tassew tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini (paradosei)!’” Meta wieħed jisma’ dan il-kliem mill-ewwel wieħed jintebaħ bis-sentiment tat-tradiment. Il-qawwa tal-għemil ta’ Ġuda kontra Kristu huwa mkabbar mir-referenza metaforika għas-saltna ta’ Alla fit-telqa fir-rieda tal-Missier aktar milli fl-eżerċizzju tal-ħakma fuq l-oħrajn. Ġesù wera l-akbar vulnerabilità billi qgħad għal dan il-proċess, l-umiljazzjoni, it-tortura fiżika u l-mewt. It-tisliba tiegħu kienet imħejjija għal tal-apposta biex turi ċ-ċkunija tal-vittma u ż-żeblieħ li bih ġie miżmum mill-awtoritajiet. It-tisliba kienet l-aktar metodu ta’ żeblieħ li bih tpoġġi l-kriminali għall-mewt.


Wieħed bħali. Is-Salm 55:14 iżid dettall ieħor fir-ritratt tat-traditur. Interessanti wieħed jgħid li t-Targum (jiġifieri parafrażi mitkellma, tifsiriet u kummenti tal-Bibbja Lhudija) fuq is-Salm 55 iniżżel l-isem ta’ Aħitofel biex jiċċara l-identità ta’ dak li kien bħal David. Is-Septwaġinta tippreżenta l-frażi Lhudija ‘enosh ke'erky’ jiġifieri “wieħed bħali, sieħbi” jew “persuna bħali” billi tuża l-kelma isopsychou, li tfisser “tal-istess spirtu”. Din il-kelma tisħaq li bejn il-persuna u s-salmista hemm l-istess ħsieb għalkemm mhux neċessarjment l-istess pożizzjoni. Jeżiżti xebħ ideoloġiku, distint mill-frażi Lhudija, li timplika ugwaljanza politika u soċjali. Għalhekk, il-kelma Griega isopsychou m’hijiex sempliċiment sieħeb tal-Messija. Imma, skont dan is-salm, sieħbu huwa ugwali għall-Messija. Il-ħabib intimu tiegħu. Huwa dak li fih jafda. Flimkien mal-intensità tat-tifsira tagħha li wieħed jaqsam il-ħobż bejn ħbieb intimi dan is-saff fit-tifsira ta’ dan il-vers aktar jikkontradiċi l-għaqda tal-ħbiberija li għalih is-salmista qed jirreferi.


Bħalma jiġri fis-Salm 41:10 l-idea li huwa tollerabbli li wieħed jiġi mgħaffeġ u oppressat mill-għedewwa tiegħu tibqa’. Dan l-att wieħed jistennieh minn dawk li ma jafux għajr li jobogħdu. Madankollu l-ħall qares tat-tradiment minn wieħed li kien intimu, bħalma juri s-salmista, m’huwiex tollerabbli. In-niket tat-telfa huwa t-talba tas-salmista lill-Mulej. L-isforz tiegħu li jikxef l-istat ta’ ruħu u jitlob għall-ħniena hija l-karba tas-salmista lill-Mulej. Din it-talba magħmula lil Alla mill-bniedem muġugħ l-għaliex safa ittradut hija r-rimedju komplet mit-tradiment innifsu. Il-qasma ta’ qalb hija l-punt tal-laqgħa tal-Mulej mal-bniedem b’qalbu maqsuma. Huwa f’dan il-punt fejn is-salmista isib tassew is-serħan. Meta s-salmista jsib ruħu mkisser minn xi ħadd tant intimu bħallikieku “bħalu” huwa jerfa’ għajnejh lejn Alla. U jdawwar il-fidi tiegħu fl-Imħallef etern meta t-twemmin fi ħbiebu jispiċċa mfarrak.


It-Testment il-Ġdid jirreferi għall-ħsieb tas-salmista f’li jfisser dan it-tkissir fir-relazzjoni. Fi Ġwanni 15:15 Ġesù jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu “ħbieb”. Għax jittrattahom daqsu. Jittrattahom bħala sħabu l-ħaddiema aktar milli sempliċiment qaddejja injoranti. “Sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom” (Ġw 15:15). “Ħabib” (philos) huwa ħafna aktar minn “sieħbi” (hetairos). Il-kelma “ħabib” turi relazzjoni intima imsejsa fuq ugwaljanza bejn żewġ persuni. Filwaqt li l-kelma “sieħbi” tirreferi għall-koperazzjoni professjonali.


Sieħbi. Il-kelma Lhudija ‘allup tfisser “ħabib tal-qalb” (wieħed tal-familja). Din il-kelma hija maqgħuda mal-kelma ‘elep li tfisser “tribù, binja, reġjun”. Għalhekk din il-kelma tagħti s-sens ta’ “kompatrijott”. Madankollu fis-Septwaġinta nsibu l-frażi ho hegemon mou li tfisser “il-mexxej tiegħi, il-kmandant tiegħi”. Din tfakkarna fil-kelma Lhudija ‘allup li tinkiteb eżatt bħal ta’ qalbilha u li tfisser “kap tat-tribù mexxej”. Madankollu din it-tifsira ma toqgħodx sewwa fil-kuntest tas-Salm 55. Dan l-għaliex it-traditur huwa mfisser bħala indaqs ma’ David.


Hawnhekk tinbet il-mistoqsija jekk Ġuda l-Iskarjota, it-traditur fit-Testment il-Ġdid, jistax jissejjaħ bħala l-kompatrijott ta’ Kristu. Jiġifieri, nistgħu insibu prova li Ġuda kien ġej mill-istess reġjun ta’ Kristu?


L-ewwel element tal-isem tat-traditur, “Ġuda” (Ioudas) huwa l-għamla Griega tal-isem Lhudi “Judah” (Yehuda). Rigward l-isem “l-Iskarjota” jidher li dan huwa laqam użat biex wieħed jiddistingwi dan l-appostlu minn oħrajn li wkoll għandhom “Ġuda” bħala isem (Luqa 6:16; Atti 1:13; Ġwanni 14:22). Jeżiżtu ħafna interpretazzjonijiet madwar dan l-isem. Dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet li se nsemmi huma l-aktar diskussi.


L-ewwel interpretazzjoni tgħid li l-kelma Iskarjota hija waħda magħquda għax ġejja mill- kelma Lhudija ish li tfisser “bniedem” jew “wieħed minn”. U Kirjot, belt żgħira, probabilment minn fejn kien ġej Ġuda. Jekk din l-interpretazzjoni hija korretta allura Ġuda, probabilment l-uniku wieħed mit-tnax, kien Lhudi (mill-villaġġ ta’ Kirjot, ara Ġoż 15:25). Bħalma kien Ġesù.

It-tieni interpretazzjoni tgħid li xi studjużi jemmnu li l-isem Aramajk Iskarjota jfisser “bniedem mill-Belt” (qiryeta’), jiġifieri minn Ġerusalemm. Skond waħda minn dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet jidher li Ġuda l-Iskarjota huwa l-uniku appostlu li hu oriġinarjament mill-Ġudeja. U għalhekk hu kandidat tajjeb għat-titlu ta’ “kompatrijott” tal-Mulej. Dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet isostnu l-postijiet fis-salmi fejn it-traditur huwa msejjaħ “ħabib tal-qalb, sieħeb, kompatrijott” tal-Messija, li se jkun mit-tribù ta’ Ġuda (Ġen 49:10).


Ħabib tal-qalb. Bħalma għedna fl-analiżi tal-“persuna tal-istess grad tiegħi” meta neżaminaw ftit il-kelma meyudda’, li fil-Malti nsibuha maqluba bħala “ħabib tal-qalb” (mill-verb Lhudi yada’ li jfisser “li tkun taf”) naraw li s-salmista qed jitħaddet għall-persuna li ġiet afdata bl-affarijiet personali ta’ persuna oħra. Dan it-titlu huwa tassew viċin tal-kelma Lhudija rea’ li tfisser “ħabib”. U għalhekk qed jipponta għall-isem ġdid li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu fl-Aħħar Ikla meta sejħilhom ħbieb. “Sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom” (Ġwanni 15:15). Il-konklużjoni hija li l-Missier irrevela informazzjoni speċifika lil Ġesù. Filwaqt li Ġesù, minn naħa tiegħu, qasam din l-informazzjoni mad-dixxipli tiegħu. “Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: ‘Għaliex tkellimhom bil-parabboli?’ Hu weġibhom: ‘Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti’” (Mt 13:10-11). Il-misteri m’humiex għal kulħadd imma huma mogħtija lill-kollaboraturi l-aktar intimi ta’ Kristu. Minkejja l-wiċċ b’ieħor tiegħu Ġuda ingħata l-grazzja li jkollu din il-fiduċja minn Ġesù. Għalhekk, minħabba dan, huwa joqgħod fid-deskrizzjoni bħala ħabib tal-qalb. Dak li fih tista’ tafda.

Ħaġa waħda konna f’laqgħa sigrieta. Din is-sentenza isservi bħala konklużjoni u raġuni għat-titli u l-kwalitajiet tat-traditur lejn l-imgħallem tiegħu. Il-frażi Lhudija namtiq sod letteralment tfisser “konna nagħmlu ħelu s-sigriet tagħna”. Din il-frażi twassal il-messaġġ li “aħna konna ħaġa waħda flimkien.” Fit-traduzzjoni tas-Septwaġinta l-frażi tinqara hekk: “li fil-kumpanija tiegħu miegħi għamel ħelu l-ikel [tagħna]”.


Il-kelma Lhudija sod f’din il-frażi tfisser “parir sigriet”. Għalhekk hija tfisser kemm il-laqgħa tal-individwi maqgħuda biex imexxu negozju sigriet inkella l-kontenut sigriet tad-diskussjonijiet tagħhom. Hawnhekk, mill-ġdid, insibu temi tal-komunità u tal-fiduċja. Dan “is-sigriet” jew “misteru” jistgħu jippuntaw lejn l-Ewkaristija imwaqqfa minn Ġesù fl-Aħħar Ikla qabel Ġuda ħareġ mill-kamra ta’ fuq (Luqa 22:19-23; imma innota Mark 14:18b-21), li tpoġġi t-tradiment qabel ir-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija). Aspett b’saħħtu ta’ din il-possibbiltà huwa l-għan fl-użu tat-terminu “tagħmel ħelu” li jfisser li tagħmel il-misteru (hekk ngħidu aħna, il-ġisem u d-demm sagrifikat ta’ Kristu”) aċċessibli għall-komunità ta’ dawk li jemmnu.


Joħroġ ċar li t-traditur hu bniedem fdat. Ħabib intimu. Il-vittma tiegħu jafda fih. It-traditur huwa sieħeb il-vittma tiegħu stess. Huwa jaf dettalji kunfidenzjali mill-ħajja tal-vittma tiegħu. It-traditur ġej mill-istess tribù. Fi ftit kliem it-traditur u l-vittma tiegħu kienu mdorrija, matul ir-relazzjoni tagħhom, li jiltaqgħu flimkien biex jaqsmu l-ikla. Forsi ikla tal-patt. Kienu jiltaqgħu biex jitħaddtu fuq ħwejjeġ intimi. Inkluża r-rivelazzjoni ta’ Alla l-Missier ta’ Ibnu. U t-twaqqif tal-misteru l-aktar qaddis mill-misteri kollha tal-qima. Kienu jiltaqgħu flimkien biex jaqsmu fix-xogħol tal-fidwa ta’ Alla. Dawn huma interessi kbar tat-tnejn. It-tnejn jitolbu familjarità neċessarja għad-diżpożizzjoni ta’ suċċess tal-għaqda reċiproka.


Aħna l-qarrejja sfidati biex ninżlu fil-fond tat-tradiment li qed iseħħ u li għandu l-eku profetiku tiegħu fit-Testment il-Qadim minn Aħitofel kontra s-sultan David. Issa, dan it-tradiment, ġie mitmum għal kollox fit-Testment il-Ġdid mill-għemejjel orribbli ta’ Ġuda kontra Ġesù Kristu.


Jien, li Ġesù tant iħobbni billi mhux biss jurini min tassew hu imma ħallas għalija fuq is-salib, fidil u fidila lejh? Jew inkella nagħmel bħal Ġuda u nittradieh? Tgħid dan ir-ritratt ta’ tradiment huwa ta’ Ġuda l-Iskarjota biss jew tiegħi ukoll? X’nista’ nagħmel biex dan ir-ritratt ta’ tradiment ma nibqax nidher fih aktar?


Patri Mario Attard OFM Cap

0