Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Hames Intervisti

FIS-SENA 33 A.D. FL-AKBAR ĠIMGĦA TRAĠIKA FL-ISTORJA


Minn Alfred Grech

Iltqajt magħhom bil-fantasija. Kienu hemm preżenti, raw kollox anzi ħadu wkoll parti f'dak li sar. Mort malajr fuqhom biex nagħmlilhom xi mistoqsijiet biex niġbor minn fommhom l-impressjonijiet ħajjin ta' dawk l-avveninenti traġiċi.


Ninsabu f'Ġerusalemm -

Fis-sena 33 A.D. fil-ġimgħa ta' qabel l-Għid tal-Lhud.


HADD IL-PALM - Wieħed tifel


Il-folla kbira ta' quddiem it-Tempju qed tonqos. L-art hija miksija bil-palm u l-friegħi taż-żebbuġ. Jgħaddi tifel minn quddiemi u nwaqqfu. Jidher ftit fuq tiegħu u mimli kollu trab. X'ser ngħidlu? Oqgħod, ġej fuqi hu.


"Rajt x'ġurnata kellna, eh! Jien qatt ma rajt waħda hekk. Ħadt pjaċir ħafna u tgħidx kemm qtajt palm u żebbuġ mis-siġar... ara, għandi girfa f'saqajja. Imma xorta kuntent, taf! Jien hemm kont, quddiemu u tbissimli waħda... Tant bdejt ngħajjat li nħnaqt. Mela kien hemm raġel u beda jsikkitna, u trid tara x'qallu Ġesu': "Jekk jieqfu dawn it-tfal, jibdew jgħajtu l-iġbla". Ġurnata ta' ferh... imma dik it-tbissima, iva, dik it-tbissima li tani Ġesu' ma ninsieha qatt...."


ĦAMIS IX-XIRKA - Appostlu


Qed jinfetaħ il-bieb tas-sala fejn Ġesu' għamel l-aħħar ikla Tiegħu. Issa, ara, ħerġin. Iva, Ġesu' u ħdax-il-raġel miegħu. Diġá dalam, iżda l-qamar qed idawwal xi ftit it-toroq. Wieħed mill-Appostli baqa' fis-sala għax nesa' xi ħaġa. Ħiereġ. Nitolbu l-impressjonijiet tiegħu. Jidher qisu mbikkem.


"Ma nistax nispjega, imma... l-Imgħallem jidher imħasseb... qalilna li se jħallina... ma nistax nifhem. U mhux il-lum l-ewwel darba li qalilna hekk. Rajt ftit ġranet ilu xi trijonf? Naħseb li fi ftit xhur kulħadd ikun Miegħu... Ħaġa waħda ma' stajtx nifhem il-lejla: f'ċertu mument l-Imgħallem qabad biċċa ħobż u berikha: "Dan hu Ġismi." Qabad kalċi ta' l-inbid: "Dan hu Demmi li jiġi mxerred..." "Mxerred? Allura għandu jmut? Imma l-priedki tal-lejla fuq l-imħabba?... Skużi, ser nħallik għax l-oħrajn bilkemm jidhru. Sejrin nitolbu fil-Ġetsemani..."


IL-ĠIMGĦA L-KBIRA - Ċenturjun


lltqajt miegħu ftit wara li daħal mas-suldati wara li lestew dmirhom fuq il-Golgota. Qed ineħħi l-korazza. Jidher imdejjaq ferm.


"L-impressjonijiet tiegħi? Ġurnata mill-agħar, anzi l-agħar waħda ta' ħajti. Pajjiż misħut!... Tistaqsini għaliex qatluh? Mur staqsi 'l Pilatu. Imma dak ir-Raġel li sallabna ma kienx xi raġel mill-agħar bħat-tnejn l-oħra. Dak kien l-Iben t'Alla, u nista' naħilfu. Għidli ħaġa, inti qatt rajt fit-tlieta ta' wara nofs in-nhar, ix-xemx u l-art titriegħed bħal f'terremot tal-biża' għall-għajta ta' wieħed ikkundannat għall-mewt? Li kieku rajtu kif rajtu jien!... L-anqas ma wera sinjal ta' mibegħda, anzi talab għalina... Qed taraha din il-lanza? Din daħlet sa hawn fil-kustat Tiegħu, u f'dik it-tiċrita rajt il-qalb ta' Alla.. Skużani taf imma ma' nistax inkompli aktar...."


IL-ĠIMGĦA BIL-LEJL - It-tifel tal-Ħadd li għadda


lt-toroq ta' Ġerusalemm huma ffullati bin-nies għax waslet il-festa ta' l-Għid. Madankollu m'hemmx dak il-ferħ tas-soltu. Malli n-nies jidħlu fit-Tempju jaraw il-purtiera l-ħoxna maqsuma. Qed jgħidu anke li xi mejtin irxuxtaw u dehru f'Ġerusalemm. Kif kont għaddej naħseb u nħares mistagħġeb, nerġa' nilmaħ dak it-tifel ta' nhar il-Ħadd. Iżda x'differenza! Issa m'għadux ferħan, iżda b'għajnejh ħomor bid-dmugħ.


"Qed tara x'għamlulu ja kefrin? X'nistgħu nagħmlu aħna t-tfal? Qagħadna nittawlu mit-tieqa u rajnieh imbiċċer u iġorr is-salib... Wara mort niġri fuq il-Golgota, rajthom isammruħ u smajt id-daqqiet tal-martell... Ftit ilu, minn hawn għadda grupp ta' suldati; qalu li sejrin għassa mal-qabar Tiegħu... Ja kattivi li huma! Jaħasra, tgħidx kemm kien iħobbna, imma issa, imma issa qatluh..." Hawnhekk it-tfajjel infexx jibki.


L-GĦODWA TA' L-GĦID - Suldat


Kulħadd jidher jitkellem taħt l-ilsien. Qisu ġara xi ħaġa mhux tas-soltu. Nersaq lejn grupp ta' pellegrini u f'nofshom nilmaħ suldat kollu eċċitat li qiegħed ikellimhom.


 "Ħaġa li ma titwemminx. Stħajjiltu l-aħħar tad-dinja! Il-blata l-kbira tal-qabar ġiet imwarrba ma nafx kif.. qisha biċċa injama... Terremot tal-biża' u dawl qawwi li jagħmik... u kollha ħrabna. Le, le, dak ir-Raġel ma kienx biss bniedem. Issa qam aktar qawwi minn qabel. Dak kien verament l-Iben t'Alla. Issa kulħadd ikun jaf.. u tawna wkoll xi ħaġa tal-flus biex ma nitkellmux!... Imma lil Alla ma jirnexxilhomx jagħlqulu ħalqu. Issa d-dinja kollha tkun taf... id-dinja kollha!"

0