Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Hsibijiet2012

Ħsibijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa 2012

maħsuba għalikom minn Patri Mario Attard OFM Cap

Hadd il-Palm

Mk 11, 1-10.


Ġesù jidħol f’Ġerusalemm b’mod trijonfanti. Ħafna kienu li ferħu bid-daħla tiegħu fil-Belt il-Qaddisa. L-Evanġelista San Mark jgħidilna: “U bosta nies firxu fit-triq l-imnatar tagħhom, u oħrajn xi friegħi ħodor li kienu qatgħu mill-għelieqi” (Mk 11, 8). Id-daħla ta’ Ġesù ittemm il-profezija li kien ħabbar il-profeta Żakkarija fuq il-Messija meta qal: “Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek; ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu ta’ ħmara” (Żak 9, 9). Is-Sultan tas-slaten daħal f’Beltu bil-ġieħ kollu li jixraqlu għalkemm bl-iktar mod umli! Imma daħal biex jiġi ittradut, miċħud, mgħajjar, misħuq, imsallab, imma fit-tielet jum kien se jqum minn bejn l-imwiet.

kienu qatgħu mill-għelieqi” (Mk 11, 8). Id-daħla ta’ Ġesù ittemm il-profezija li kien ħabbar il-profeta Żakkarija fuq il-Messija meta qal: “Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek; ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu ta’ ħmara” (Żak 9, 9). Is-Sultan tas-slaten daħal f’Beltu bil-ġieħ kollu li jixraqlu għalkemm bl-iktar mod umli! Imma daħal biex jiġi ittradut, miċħud, mgħajjar, misħuq, imsallab, imma fit-tielet jum kien se jqum minn bejn l-imwiet.


Aħna wkoll nagħmlu l-esperjenza ta’ Ġesù! Kemm-il darba fil-ħajja tagħna ġejna għall-ewwel apprezzati u sibna minn ifaħħarna. Kemm-il darba smajna persuni li quddiemna qalu t-tajjeb tagħna biss. Fraħna għaliex ħsibna li aħna imdawrin bil-ħbieb. Afdajniehom għaliex irraġunajna li dawn tassew iridulna l-ġid. Imma Ġesù meta “daħal Ġerusalemm…, baqa’ sejjer fit-tempju” (Mk 11, 11). Il-ferħ tan-nies ma tiliflux l-ħarsa tiegħu minn fuq Missieru. U aħna x’nagħmlu meta jkollna r-riħ fil-qalgħa? Alla jibqa’ l-ewwel post f’ħajjitna jew l-allat tagħna jsiru dawk in-nies stess li jkunu qiegħdin ifaħħruna?


Mulej, għinni ħalli fil-ferħ u n-niket tiegħi dejjem nagħtik l-ewwel post f’ħajti. Amen.


It-Tnejn


Ġw 12, 1-11.


Fil-ġrajja tad-dilka ta’ Ġesù f’Betanja għandna kuntrast interessanti: fuq naħa l-waħda l-ġenerożità ta’ Marija u fuq l-oħra x-xeħħa ta’ Ġuda. Marija, oħt Lażżru, “ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, mbagħad ixxuttathomlu b’xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ” (Ġw 12,3). Hekk tagħmel il-ġenerożità: tmur kważi fl-estrem basta tagħmel lil dak li jkun iħossu maħbub.

Ġesù ġie milqugħ b’qalb kbira minn dik li kien l-għaxqa tagħha li tintasab f’riġlejh u tisma’ kelmtu. Minn dik li tant kemm ki


enet tħobbu li ma kinitx tiddejjaq turi quddiem kulħadd l-imħabba u l-għożża ta’ dak li kien imlielha ħajjitha. U l-imħabba


ta’ Ġesù mhux tibni, tfejjaq u tinxtered taf! L-imħabba, għaliex hi ġeneruża, tmur fuq kulħadd. Fuq dawk li jriduha u fuq dawk li jiċħduha.

L-ironija hi li meta marret fuq Ġuda dan warrabha. Ma rax il-valur tagħna imma qies kemm tiswa. Għalih mhux il-persuna ta’ Ġesù kienet importanti iżda kemm kien se jdaħħal f’butu minn dak iż-żejt! “Ġuda qal: ‘Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?’ Issa dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kull ma kienu jaqilgħu” (Ġw 11, 4-6).


Ix-xeħħa iġġagħlni nqis lil ħaddieħor xejn. Tagħmilni ħalliel u imbruljun! Iġġibni bla qalb! Tagħmilni xitan!

It-Tlieta

Ġw 13, 21-33. 36-38.


Ġesù qiegħed jagħmel l-Ikla tal-Għid ma’ dawk li “ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13, 1). Ried ikun magħhom qabel ibati u jmut għalina. Lilhom li, fi kliem l-Isqfijiet tagħna Pawlu u Mario, “kien isib il-ferħ tiegħu meta kien ikun imdawwar [magħhom] [mill-appostli] li kien għażel, ikellimhom fuq Alla l-Missier, u fuq it-triq li trid twassalna għandu”. Bħala l-Bniedem-Alla Ġesù kien imtaqqal ħafna. Għalkemm kollha kemm huma kien se jaħarbu quddiem l-għedewwa, tnejn minnhom kienu se jweġġgħuh iktar mill-oħrajn.


Ġuda kien se jbiegħu għal tletin biċċa tal-fidda. San Ġwann jgħidilna li barra ċ-ċenaklu kien bil-lejl. Imma l-lejl kien ilu li ħa soppravvent fil-qalb ta’ Ġuda l-Appostlu. L-imsejken raġel tant kemm kien maħkum minnu nnifsu u mill-pjanijiet tiegħu li anki lil Ġesù rah b’għadu! Qisu bi xkiel għaliex f’moħħu kellu pjan ieħor, jiġifieri dak li jarah Sultan fuq Iżrael u jiżbarazza r-Rumani minn nofs!


Minn naħa l-oħra Pietru ried joħroġ ta’ raġel. Ried juri li jekk kulħadd jittradih hu le. Bi kliemu wera li hu ried iħobb lil Ġesù mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd għajr ir-rieda tajba tiegħu biss. Imma x’seta’ jagħmel Pietru meta ċaħad l-għajnuna ta’ Ġesù? Mhux jiċħdu?

Mulej, għinni biex waqt it-tentazzjoni nitlob u nistrieħ fuq l-għajnuna tiegħek. Naddafni mill-paroli żejjed u mit-tradimenti li jnawwru l-imħabba li poġġejt fija lejk. Amen.

L-Erbgħa

Mt 26, 14-25.

Bil-Malti ngħidu: “Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma!” Ġesù stess iwissi li xejn minn dak li hu moħbi ma jinkixifx. U tifimha. Dak li hu tajjeb jibqa’ għal dejjem. B’saħħtu. Iriġi. Għandu futur. Għaliex huwa mibni u msaħħaħ fuq il-verità. Imma dak li hu ħażin futur m’għandux għaliex mibni fuq il-gideb. Fuq il-ħafna kliem sabiħ. Fuq ix-xinxilli li jwasslu biss għar-rovina.


L-istorja ta’ Ġuda hija l-istorja ta’ dawk kollha li jagħmlu lill-flus alla tagħhom. Il-problema ta’ Ġuda kienet li ma ntebaħx li kien qiegħed iħokk mal-Iben ta’ Alla, mal-Messija. Barra minhekk, meta Ġesù ġibidlu l-attenzjoni, Ġuda sempliċiment ipprova jgħaddih biż-żmien. Minflok li ammetta ħżunitu kompla għodos fiha billi webbes qalbu. Ma riedx jinfetaħ għad-don kbir tal-ħbiberija li Ġesù kien qiegħed joffrilu. Anzi, dawwar dan id-don sabiħ f’opportunità biex minnha jaqla’ l-flus.


Kemm-il darba bl-iskuża tal-ħbiberija użajt nies oħra biex nieħu mingħandhom dak li irrid u wara nabbandunahom bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa? Kemm-il darba ippużajt ta’ ħabib imma fil-verità kont traditur għaliex meta ġejt għas-si u n-no ma rawnix b’nemes? Lagħabtha tal-ħaruf imma quddiem Alla kont lupu feroċi, lest li jqatta’ lil dawk li jazzardaw ikellmuh?


Mulej, ikxifli dnubi quddiemek u tini l-umiltà nindem minnu. Fakkarni li jekk inwebbes qalbi int tippermetti li ninkixef quddiem ħaddieħor ukoll. Amen.

Ħamis ix-Xirka

Ġw 13, 1-15.

Lejlet il-passjoni u l-mewt tiegħu Ġesù jagħti xhieda ta’ kemm tassew lil tiegħu “ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13, 1).

Lejlet il-passjoni u l-mewt tiegħu Ġesù jagħti xhieda ta’ kemm tassew lil tiegħu “ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13, 1). Madankollu, din id-darba mhux ħa jagħtihom xi tagħlim fuq x’inhi l-imħabba. Anzi, b’att ta’ sorpriża kbira għalihom, jurihom kemm kien tassew iħobbhom billi jservihom. Kif jista’ l-Imgħallem jaqdi lid-dixxiplu tiegħu bil-mod kif qaddej jew ilsir kien mistenni li jaqdi lil Sidu? Imma hu hekk għamel! “Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Mbagħad ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu” (Ġw 13, 4-5). Hu, li hu l-Mulej, ried lil dawk kollha li jgħidu li huma tiegħu biex jaħslu riġlejn xulxin! Minn dan kulħadd kellu jagħraf li huma tiegħu: minn kemm iħobbu wieħed lill-ieħor, jiġifieri minn kemm jaqdu lil xulxin!


Xmun Pietru din ma niżlitlux! Ipprotesta. “Int, Mulej, taħsilli saqajja?” (Ġw 13, 6). Ġesù ma jtegħmilhux! “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi” (Ġw 13, 8). Jiġifieri, jekk mhux beħsiebek taqdi bħali dabbar rasek ‘l hemm! Imma Pietru, fil-fond ta’ qalbu, kien jaf li mingħajr Ġesù m’hu xejn. Għalhekk, b’qalb miftuħa ta’ tifel ċkejken, qallu: “Mulej, mhux saqajja biss, imma jdejja u rasi wkoll” (Ġw 13, 11). Meta naqdi lill-oħrajn Ġesù jgħix fija għaliex lilu nkun qiegħed naqdi!


Mulej, għallimni bħal Pietru naqdik f’ħuti l-bnedmin b’dak kollu li jien. Amen.

Il-Ġimgħa l-Kbira

Ġw 18, 1-19, 42.


Il-Knisja ta’ kull sena issemmagħlna r-rakkont tal-passjoni ta’ Ġesù skont San Ġwann. Għaliex? Għaliex f’San Ġwann Ġesù mhux tellief imma rebbieħ fil-passjoni tiegħu. Huwa hu li jmur jiltaqa’ mal-għedewwa tiegħu fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Huwa hu li jagħmlilhom il-mistoqsija: “Lil min qiegħdin tfittxu?” (Ġw 18, 4), minflok huma. Meta wieġbuh: “Lil Ġesù ta’ Nażaret” (Ġw 18, 5), huwa qalilhom: “Jiena hu” (Ġw 18, 6). San Ġwann jgħidilna li meta Ġesù qal hekk “huma resqu lura u waqgħu mal-art” (Ġw 18, 6). Ifisser li Ġesù wriehom min kien, Alla. Imma la kienet waslet is-siegħa tiegħu ħallihom jaqbduh.


Ġesù, skont San Ġwann, imexxi l-passjoni hu. Iwiddeb lil wieħed mill-għases li tah bil-ħarta: “Jekk jien għedt xi ħaġa m’hix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?” (Ġw 18, 23). Lill-Pilatu, gvernatur pagan, jevanġelizzah meta jgħidlu: “Jiena għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw 18, 37). Jgħidlu wkoll li hu kien f’idejh għaliex Alla l-Missier ried hekk: “Ma kien ikollok ebda setgħa fuqi kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq; għalhekk min ta lili f’idejk għandu ħtija akbar” (Ġw 19, 11).


Mulej, int is-Sid ta’ ħajti. Huwa int li tmexxihieli. Għinni nħallik tagħmel dan. Amen.

Is-Sibt

Mk 16, 1-7.


“Iż-żgħażugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda” (Mk 16, 5), fil-qabar ta’ Ġesù, jagħti lil Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Salomi aħbar li ma titwemminx: “Qiegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nażaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh” (Mk 16, 6). Dak li hu l-ħajja mhux postu iżjed mal-mejtin. Lanqas mal-ikkundannati. Qam minn bejn l-imwiet. Fil-qabar ma jinstabx iżjed! Inutli li tfixxuh hawn!


L-istedina tal-anġlu hija wkoll l-istedina li l-Mulej qiegħed jagħmlilna. Meta Kristu jidħol f’ħajti ma nibqax iżjed fil-qabar tad-dnub. Nibda nintebaħ li posti mhux iżjed hemm, imsallab mal-passjonijiet tiegħi. Le! Meta Ġesù irxuxtat isir Alla ta’ ħajti huwa joħroġni mill-jasar ta’ dak li hu ħażin biex idaħħalni fih innifsu ħa ngħix! L-Għid, mela, huwa qawmien għal dak kollu li hu tajjeb u li jġib l-imħabba u l-ferħ. Huwa qawmien għall-ħniena, għas-sabar, għall-umiltà, għall-kuraġġ, għall-faraġ li Alla biss jaf jagħti. L-Għid jgħallimni biex niftaħ qalbi għal dak li Alla jrid jagħmel f’ħajti billi nħalli lill-anġli, li hu jibgħatli, ‘iressquli fil-ġenb il-ġebla kbira li għandi f’ħajti’ (ara Mk 16, 4). Jekk inħallihom jiftħuli għajnejja u nisma’ minn kliemhom jiena wkoll għad inqum mid-dnub biex ngħix għal Ġesù li jkellimni permezz tagħhom.

Mulej, nitolbok qajjimni minn dak kollu li jbegħdni minnek u għaqqadni dejjem miegħek f’dak kollu li naħseb, ngħid u nagħmel. Amen.

Ħadd il-Għid


Ġw 20, 1-9.


F’Ħadd il-Għid, il-Knisja tagħtina dan il-vanġelu sabiħ skont San Ġwann. Fih naraw dettall importanti ħafna. Il-qabar ta’ Ġesù ma kienx bħal tal-oħrajn. Kellu “l-blata mneħħija” (Ġw 20, 1). Tilef il-funzjoni tiegħu. Mela jista’ jintrema għaliex xi skop fih qabar vojt? Barra minhekk, San Ġwann jagħtina xi dettalji oħra li juruna li Ġesù veru qam minn bejn l-imwiet. Il-faxex ta’ l-għażel kienu fil-qabar, u l-maktur ta’ madwar ras Ġesù ma kienx mal-faxex imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Id-dixxiplu li daħal fil-qabar “ra u emmen” (Ġw 20, 8). Dawn kienu s-sinjali li Ġesù qam minn bejn l-imwiet.


Għal min għandu qalbu miftuħa huma ħafna s-sinjali li l-Mulej mhux biss huwa ħaj fostna imma wkoll li għadu jressaq n-nies lejh u jagħtihom il-ħajja. Nistgħu nsemmu kemm irridu. Spiss nimmeravilja ruħi kemm hawn nies miftuħa għall-Mulej. Mal-inqas sinjal tal-preżenza tiegħu f’ħajjithom arahom jarawh u jemmnu fih! L-ispeċjalità ta’ dawn in-nies qiegħdha fil-fatt li ddeċidew li jemmnu fih. U allura mhux bir-raġun li jaraw ħwejjeġ kbar jiġru f’ħajjithom jekk tawha lilu? Il-qawmien għall-fidi u l-imħabba huwa l-akbar wieħed li qatt nistgħu nesperjenzaw f’dan il-Għid. Huma ħafna l-ġrajjiet u ċ-ċirkustanzi li jippuntaw lejn dan il-qawmien. Kulma rridu hu li NEMMNU U NGĦIXU.

Mulej, saħħaħ fija l-fidi fik ħa narak tagħmel ħwejjeġ kbar f’ħajti. Kebbes fija nar iħeġġeġ għalik u għal dak li int titlob minni. Amen.

0