Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Hsieb tal-Jum 2010

Ħsibijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa 2010

maħsuba għalikom minn Fr. Reno Muscat O.P

" Alla hekk ħabb lid-dinja,

li ta lil ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx,

iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. "

Ġw 3:16

Ħadd il-Palm

Hosanna, Hosanna, Hosanna għajtet il-ġemgħa. Xejret bil-palm u l-friegħi taż-żebbuġ f’ idejha. Ferħet u faħħret lil Bin David. Imma din ix-xena ma kelliex iddum wisq, fi ftit jiem inbidlet u minflok l-Hosanna instemgħet il-kelma Sallbu!, Sallbu!, minflok il-palm u l-friegħi taż-żebbuġ rajna l-kuruna tax-xewk u l-għuda tas-salib. X’kienet qed tagħmel il-ġemgħa meta għajtet Hosanna? Kienet qegħda taħdem dramm – tejatrin. Ġemgħa li meta kienet bil-ġuħ u bil-għatx marret għand Kristu u llum għax imxewxa mill-kbarat daret kontrih. Atturi fuq palk li jimxu mhux fuq dak li tgħidilhom qalbhom jew moħħom, imma fuq dak li jgħid id-direttur.

Giotto 1304-1306


U jien? Spiss inkun membru f’dik il-folla li llum tgħajjat Hosanna u għada Sallbu?​

It-Tnejn

Aktar faċli noqgħod kwiet u ma ngħid xejn milli niftaħ ħalqi u nitkellem quddiem l-inġustizzja, quddiem il-korruzzjoni, quddiem il-ħażen, quddiem id-dnub. Jekk nitkellem nidher ikrah, nidher jien il-barrani, l-istramb, l-antikwat, l-injorant! Imma Kristu ma għażilx it-triq il-faċli – ma għażilx li jibqa’ sieket quddiem dak li ma kienx sewwa. Ma ddejjaqx joħodha kontra l-Fariżej u l-iSkribi, kontra l-wiċċ b’ ieħor. U ara kif spiċċa! Spiċċa mżebblaħ, imsawwat, imsallab, mejjet.


Imma kieku baqa’ sieket ma kienx jaqdi l-missjoni li għaliha ġie fid-dinja u sar bniedem bħalna. Kieku baqa’ sieket ma kienx imut imsallab. Kieku kont jien kont nagħlaq ħalqi!! Kieku Ġesù baqa’ sieket ma kienx jieħu l-mewt li ħa. Imma tkellem bla ma qagħad iħares lejn wiċċ ħadd u għax tkellem qatluh u bil-mewt tiegħu aħna ġejna salvati.

Gesu quddiem il-qassis il-kbir - William Hole


It-Tlieta

Qatt sibt ruħek quddiem il-mewt? Titkexkex meta biss taħseb fuq il-mewt! Kristu wkoll sab ruħu f’ din is-sitwazzjoni – u tkexkex ukoll. “Biegħed minni dan il-Kalċi” qal meta kien fl-ort tal-Ġetsemani. Bir-raġun li jibża’ għax Hu wkoll kien bniedem tad-demm u l-laħam bħalna. Imma qalilna wkoll li jekk iż-żerriegħa tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut tibqa’ waħeda bla ma tagħmel frott.


Il-mewt ta’ xi ħadd għażiz għalina ġġibna quddiem realtà li xi darba aħna wkoll irridu ngħaddu minnha. Mhux faċli meta ssib ruħek quddiem il-mewt. Ma kienitx ħaġa ħafifa għal Ġesù li huwa Alla, aħseb u ara għalina. Imma l-mewt hija l-aktar ħaġa ċerta li minnha jrid jgħaddi kulħadd. L-unika ħaġa li tista’ tqawwilna qalbna quddiem din ir-realtà hija li Kristu bil-mewt tiegħu reġa’ ħabbibna mall-Ħallieq. 

Christ in Gethsemane - Carl Bloch 1879


B’dan il-ħsieb f’moħħu, Kristu aċċetta bil-qalb l-għuda tas-salib. U jekk aċċetta s-salib Kristu, għaliex għandi nwarrab minnu jien?

L-Erbgħa

Bosta għandhom id-drawwa li nhar ta’ Erbgħa ma jieklux laħam. Forsi lanqas jafu għalfejn! Jingħad li kien fil-jum tal-Erbgħa li Ġuda mar għand is-saċerdoti u x-xjuħ sabiex jiftiehem dwar it-tradiment tal-Imgħallem tiegħu. Kien għalhekk li nbdiet id-drawwa tas-sawm nhar ta’ Erbgħa sabiex jitpatta ftit mit-tradiment li sar lill-Iben ta’ Alla. Tradiment – kemm tiġbor fiha ħsibijiet din il-kelma. Tradiment- azzjoni kontra l-imħabba. Kristu kien tradut għal 30 biċċa tal-fidda – u jien? Jien nista’ nkun tradut fuq il-post tax-xogħol, fil-ħajja privata tiegħi, minn sħabi, minn marti jew żewġi. Jien ma nkunx tradut għal 30 biċċa tal-fidda imma għal xorta oħra ta’ ħlas! Min jaf x’ jista jkun il-ħlas tat-tradiment tiegħi? Jien ukoll kultant inkun tradut. Jien ukoll spiss inkun Kristu ieħor.


Imma għandi mnejn nilgħab il-parti ta’ Ġuda flok ta’ Kristu. Għandi mnejn nitradixxi jien minflok jitradixxu lili! Tradiment – nista’ nirċivieh u nista’ nagħtih.

Ħamis Ix-Xirka

Ikla. Jekk hemm mument li fih il-bniedem iħossu paxxut u komdu huwa waqt xi ikla mal-ħbieb. Kristu wkoll ried li jagħmel ikla ma’ sħabu. Jgħidila “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla magħkom.” L-ikla li għamel illum Ġesù hija mitluba mil-liġi Lhudija – imma l-ikla tal-lum biddlet il-patt l-antik f’ patt ġdid. Kien propju fl-aħħar ċena li Kristu waqqaf is-sagrament tal-Ewkaristija. Jekk il-Lhud jieklu l-ħaruf, aħna għandna l-Ħaruf ta’Alla taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid. Illum Kristu ried iħallilna lilu nnifsu. Kien jaf li ftit sigħat oħra kien ser jieħu l-passjoni u għalhekk ried jagħmel l-aħħar ikla tiegħu.

Kienu Hu u t-tnax f’dik l-ikla. Illum huma miljuni li jistgħu jieħdu sehem f’dik l-ikla. Ikla tal-Ħaruf – ikla tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu li ingħata għalina u għall-maħfra tad-dnubiet. Illum Kristu wkoll ordnalna sabiex nagħmlu aħna wkoll din l-ikla b’ tifkira tiegħu. Illum nistgħu nieħdu sehem f’ din l-ikla sabiex inħejju rwieħna għall-ikla l-kbira li sseħħ fis-salna tas-sema. Kristu għadu sal-lum bix-xewqa li jagħmel din l-ikla, mhux mal-appostli imma miegħek u miegħi.

Il-Gimgħa

Man-noti kiebja taċ-Cipresso, jew tal-Venerdi Santo nara s-salib tal-Vara l-Kbira ħiereġ mill-bieb tal-knisja. Salib fl-imgħoddi saħta, bluha għall-pagani, għalija fidwa.


Id-dehra tiegħek tweġġana. Nippreferi narak liebes ta’ Sultan milli hekk fuq is-salib. Imma għaliex Mulej għażilt li ttemm ħajtek fuq salib? Kemm kien ikun isbaħ narawk tmut mewta denja, fuq sodda mdawwar mill-qraba u l-ħbieb. Imma għaliex għażilt li tmut bejn żewġ ħallielin? Inħares lejk inweġġa, aħjar indawwar wiċċi.


U għalhekk ma rridukx aktar fil-klassijiet, fil-postijiet pubbliċi għax ma rridux naraw aktar slaleb..... għandna biżżejjed.


Imma bilħaqq, ftit xhur ilu rajtek tarbija f’ maxtura. Iggustajtek, imma llum le, illum hekk kollok dmija ma rridx narak. Imma possibli li inti l-istess tarbija li żejjintek fit-tieqa ta’ dari f’ Diċembru li għadda? Kristu bambin iva imma Kristu Kurċifiss le.


Imma n-noti taċ-Cipresso għadni rrid nismagħhom u nitpaxxa bihom. U jekk irrid nitpaxxa bin-noti tal-marċi funebri rrid ukoll inħares lejn dak li għalih inkitbu! Lejk Kristu Kurċifiss.


Nadurak o Ġesù u nbierkek għax b’ salibek u l-mewt tiegħek inti fdejt lid-dinja.

Is-Sibt

Skiet. Mewt. Baħħ. Kollox mitmum. Kulħadd telaq lejn daru. Dfinna lil Kristu. Issa l-mejjet imur mal-mejjet! Kulħadd telaq ħlief Marija. Għalfejn Marija bqajt tittama? Għalfejn ma għidtx ‘Daqshekk’? Kont taf li ibnek miet u bqajt tittama, rajtu jitkeffen, rajtu jitpoġġa fil-qabar. Mhux aħjar hekk milli jkompli jkun ta’ ksir ir-ras kif kien għal dawn l-aħħar tliet snin?


Omm. Marija għax inti omm bqajt tistenna dak li għalih twieled ibnek. X’ dieqa! Xi swied il-qalb! Kollox mejjet – ħalluni mmut jiena wkoll.


Kemm drabi nħoss li ħajti hija spiċċuta. Kemm inħossni ma niswa għal xejn. Kemm drabi nħossni bla ebda użu, għalxejn, żejjed, mitluq, mormi, minsi, .......... mejjet! Anke lil Kristu hekk ħasbuh, mejjet.


U dilkuh u fittxew jidfnuh. Imma ommu baqgħet hemm, tittama. Kienet taf Marija li dak li għal disa’ xhur għex f’ġufha kien Alla. U Alla ma jmutx. U jekk nemmen dan kollu, lanqas jien ma mmut.

Hadd il-Ghid

Qawmien. Qawmien ifisser dawl. Qatt ħarist lejn id-dawl? Id-dawl x’inhu? Id-dawl ma jidhirx, id-dawl iddawwal l-oġġetti imma d-dawl ma tarahx, tara l-effetti tiegħu imma lilu ma tarahx. Jekk ma jkunx hemm oggetti x’ jiddawlu lid-dawl ma tarahx. Ix-xemx ma hijiex id-dawl, ix-xemx hija l-għajn tad-dawl imma mhux id-dawl. Imma anke meta ma jkunx hemm oġġetti x’ jiddawlu, id-dawl jibqa’.


Dal-lejl rajna dawl ġdid. Fil-Knisja kemm-il darba rajna d-dawl mixgħul imma dal-lejl donnu deher isbaħ. Id-dawl ta’ Kristu!


Dawl iva, għax Kristu qam mill-mewt. Qawmien, Kristu Rxoxt.


Tlumnix illum jekk nifraħ. Nifraħ għax jien Nisrani, nifraħ li naf lil Kristu Rxoxt. Nifraħ b’ dan il-qawmien, b’dan ir-rebħ fuq il-mewt, Nifraħ b’dan id-dawl. HALLELULJAH ifirħu u thennew, Kristu li tassew kien mejjet qam! Iva qam Halleluljah. X’dawl... dawl li l-ebda kliem ma jista’ Jfisser.

Il-Qawmien ta' Kristu mill-mewt - Paolo Veronese    

Deus lux Mea

God is my light

Minn Qalbna Nawguraw l-Ghid it-Tajjeb lil kulhadd. Hallu d-dawl ta' Kristu Rebbieh imexxikom tul hajjitkom kollha.

We wish you all a happy Easter. May the light of the Risen Lord guide you through all days of your lives. 

0