Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Hsieb Tal-Jum

Ħsibijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa 2011

maħsuba għalikom minn Fr Emanuel Camilleri SDB

Hadd il-Palm

Imbagħad qalilhom: "Għandi ruħi mmnikkta għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru miegħi" (Mattew 26:38)

Ġesù jistedinna biex nishru miegħu. Matul din il-ġimgħa li ġejja Hu jistedinna nikkontemplaw il-misteru tal-Ħajja tiegħu. Kultant naħsbu u nirraġunaw li għax Kristu kien Alla, allura ma batix kif inbatu aħna. Dan huwa atteġġament u raġunament żbaljat. Kristu kien bniedem bħalna u għaldaqstant bħala bniedem bata tassew u beża' quddiem it-tbatija u l-mewt. B’dan jurina kemm hu viċin tagħna lkoll fit-tbatija li nistgħu ngħaddu minnha. Għal San Mattew, il-passjoni ta’ Ġesù hija l-passjoni ta’ Bin il-Bniedem – is-Sid tal-glorja, l-Imħallef universali li kellu jwassal għall-milja tagħha l-istorja ta’ l-umanità: l-istorja tiegħi u tiegħek. Mattew jenfasizza ħafna s-solitudni ta’ Kristu fil-Ġetsemani – tliet darbiet iwarrab biex jitlob, tliet darbiet jerġa’ jiġi ħdejn id-dixxipli biex jitolbu miegħu. Ġesù jistqarr ukoll magħhom mhux biss id-dwejjaq li kien qed iħoss, imma wkoll jurihom id-dgħjufija tal-ġisem tiegħu. Dan huwa l-Ġesù li jrid jersaq lejna, ikun bħalna fit-tbatija tagħna, fil-ġisem tagħna minbarra fid-dnub. Jistedinna biex nifhmu l-misteru tal-ħajja tiegħu u jistedinna biex nidħlu u nagħmlu parti minn din il-Ħajja salvifika tiegħu. It-tbatija hija misteru wkoll. Mhux dejjem nifhmu għaliex inbatu, jew għalfejn jiġi fuqna l-mard. Ġesù jrid jaqsam dan kollu magħna. Bħalu f’dawn il-mumenti nħossu lill-Missier ’il bogħod minna. Imma Hu jinsab viċin tagħna. Ġesù tiegħi, wiċċek huwa wiċċ ta’ Alla umli li jħobbna tant li jneżża’ lilu nnifsu minn kollox u jsir fqir fostna. Wiċċek huwa wiċċ l-uġigħ tagħna, tas-solitudni tagħna, tad-dwejjaq tagħna, tal-mewt tagħna li int ridt tieħu fuqek biex ma nibqgħux weħidna u ddisprati. Għallimna nifhmu x’jiġifieri nħobbu kif ħabbejtna int, biex fis-silenzju naċċettaw li nieħdu sehem fil-misteru tal-passjoni u l-mewt tiegħek u bik u fik induqu l-ferħ tar-rebħa sħiħa u totali fuq il-firda, fuq id-dnub, fuq il-mewt. Amen.

It-Tnejn

“Sitt ijiem qabel il-festa ta’ l-Għid Ġesù mar Betanja, fejn kien joqgħod Lazzru li Ġesù kien qajjem mill-imwiet. Hemmhekk għamlulu ikla” (Ġwanni 12: 1-2).

“Sitt ijiem qabel l-Għid”: il-preċiżjoni ta’ Ġwanni tgħinna ngħixu, matul il-liturġija ta’ din il-Ġimgħa Mqaddsa, l-aħħar avvenimenti li jwasslu għall-Għid tal-Mulej. L-ikla f’Betanja tħabbar l-Aħħar Ikla. F’moħħ in-nies ta’ żmien Ġesù, l-ikla, speċjalment dik li ssir flimkien, kellha tifsira qaddisa għaliex turi għaqda ta’ ħajja flimkien u ringrazzjament għall-istess don tal-ħajja. Il-prżenza ta’ Lażżru ssaħħaħ dan il-punt: Lażżru qed jirringrazzja lil Sid il-Ħajja. Aħna wkoll mistiedna għall-ikla f’Betanja biex inkunu ma’ Ġesù f’dik l-atmosfera sabiħa ta’ affett u ta’ ħbiberija. Nagħmlu waqfa f’dik id-dar biex naħsbu fuq il-mixja tagħna wara Kristu: mixja li ssalva, mill-mewt għall-ħajja bħalma ġara lil Lażżru. Mixja li ssir servizz lejn Kristu u lejn l-oħrajn kif turina Marta. Mixja ta’ mħabba li tqim u li tfewwaħ il-qalb kuljum bħalma turina Marija. Nibqgħu ma’ Ġesù biex nismgħu kelmtu, naqsmu l-eżistenza miegħu. Nagħrfu u nilqgħu l-imħabba li hu jagħtina, l-Imħabba li hu nnifsu hu. Miegħu ningħaqdu fid-dilka ta’ Marija u nithennew bil-fwieħa li ħierġa minn qalbu.


Matul il-jum irrepeti u ftakar spiss: “Imxu bl-imħabba bil-mod kif anki Kristu ħabb lilkom u li ta lilu nnifsu għalikom” (Efesin 5:2).

It-Tlieta

"Wara li qal dan, Ġesù ħass ruħu jitħawwad, u stqarr bil-miftuħ: "Tassew tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini!" Id-dixxipli qabdu jħarsu lejn xulxin, ma jafux għal min qal hekk" (Ġwanni 13 :21-22)

Fl-isfond ta’ din ix-xena, Ġesù jiddikjara li wieħed minn dawk li ħabb kien ser jittradih. Ġesù ħawwad lit-Tnax li kienu miegħu, ħawwad l-emozzjonijiet tagħhom u taqlilhom qalbhom. Meta rrifjuta l-biċċa ħobż tal-ħbiberija, Ġuda rrifjuta l-Ħabib u ma setax għalhekk jibqa’ parti miċ-cirku tal-ħbieb. Aħna wkoll kultant nirrifjutaw lil Ġesù, inwarrbuh, nittraduh. Ġesù kien ċar ħafna fi kliem, dejjem, bla kantunieri: jew miegħu, jew kontra tiegħu. Għalkemm kultant il-kliem ta’ Ġesù nsibuh iebes biex naċċettawh, huwa l-kliem li jagħtina l-ħelsien vera. Ġesù jurina liema hija t-triq għax huwa t-Triq. F’dan iż-żmien Ġesù qed jerġa’ jistaqsini: int miegħi, jew le? Jekk verament irridu nkunu ta’ Kristu, irridu nkunu tiegħu kompletament u mhux bil-biċċiet. Il-kliem ta’ Ġesù mhuwiex menu li nagħżel minnu dak li jogħġobni u nwarrab dak li ma jogħġobnix.


Matul il-jum irrepeti u ftakar spiss: “Alla lanqas lill-Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll” (Rumani 8:32).

L-Erbgħa 

"Imbagħad wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom: "Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f'idejkom?" U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom." (Mattew 26 :14-16).

Il-qari ta’ din is-silta (ilbieraħ f’San Ġwann, illum f’San Mattew) huwa dejjem qari li jqanqal l-inkwiet fil-qalb u fil-moħħ : “wieħed mit-Tnax”, ċioe wieħed mill-ħbieb ta’ ġewwa, ta’ dawk li kienu miegħu l-ġurnata kollha, wieħed mid-dixxipli mgħallmin li ngħata s-setgħa wkoll minn Kristu... “mar” b’inizzjattiva tiegħu, b’għażla ħielsa, biex jipproponi l-“għotja”ta’ Ġesù f’idejn il-qassisin il-kbar, li ma xtaqu xejn inqas. U minn dak il-mument, bħal lupu ħattaf lest li jaqbeż fuq il-vittma tiegħu, Ġuda jibqa’ jgħix viċin Ġesù “jfittex okkażjoni tajba”. Din il-libertà Ġuda, għalkemm kapaċi għal ħażen kbir, hija libertà li baqgħet fil-pjan ta’ Alla: dan narawh f’Mattew meta jgħidilna l-prezz tal-ħlas li kien imħabbar mill-porfeta Zakkarija (11:12). Hemm sens ikbar teoloġiku: l-għotja. Min-naħa hemm l-għotja-tradiment min-naħa tal-bnedmin; mill-oħra hemm l-għotja-don li l-Missier qed jagħmel mill-Iben u li Ġesù ser jagħmel tiegħu nnifsu. Aħna msejħin ukoll biex ningħataw għall-oħrajn. Xi kultant inkunu rridu nsiru “sagrifiċċju” ħaj għal dawk ta’ madwarna: familja, ulied, ħbieb... Ġesù jistedinna biex “immutu” fina nfusna u negħlbu l-għira, is-suppervja, l-egoiżmu, il-kburija...Nagħżel jien; naf lili nnifsi u naf x’għandi bżonn inneħħi mill-ħażen tiegħi biex inkun nista’ ningħata lill-oħrajn.


Matul il-jum irrepeti u ftakar spiss: “Ibqa’ fidil sal-mewt u nagħtik il-kuruna tal-ħajja” (Apokalissi 2:10b).

Il-Ħamis

Qabel il-festa ta' l-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar (Ġwanni 13 :1-2).

“ħabbhom għall-aħħar” – bħas-Sinottiċi, Ġwanni irid jurina f’din l-Aħħar Ikla, l-imħabba totali u kompleta ta’ Ġesù. Hu wrieha f’din l-Ikla u juriha b’iktar qawwa fuq is-Salib. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann ma nsibux it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija. Għal San Ġwann is-servizz lejn l-oħrajn huwa importanti u ċentrali. Għalhekk Kristu jagħtina l-ikbar eżempju billi jaħsel saqajn l-appostli . Dan is-servizz irid ikun marbut b’intimità mal-kmandament il-ġdid li tana Ġesù. Hu kien jaf x’kien qed jagħmel (“billi kien jaf”) u għalhekk jidħol bil-libertà fil-pjan ta’ Alla. Din l-umiltà profonda ta’ Kristu tiġbidna lejh: jitlob mingħandna biex inħallu lilna nfusna nitnaddfu mill-imħabba tiegħu; jitlobna biex nimxu fuq l-eżempju tiegħu. Min huma dawk in-nies f’ħajti li jien nista’ ninżel quddiemhom u “naħslilhom saqajhom”? Nistħi numilja ruħi? Nibża’ nkun ta’ servizz għall-oħrajn? X’hemm iżommni milli nixbah lil Kristu?


Matul il-jum irrepeti u ftakar spiss: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor. 11:24).

Il-Ġimgħa

Ġwanni 18:1,19:42


Il-Knisja tiċċelebra l-passjoni tal-Mulej għax ċerta li s-Salib ta’ Kristu mhuwiex ir-rebħa tad-dlam, imma l-mewt tal-mewt. Kristu qered il-mewt tagħna. Din il-viżjoni ta’ fidi tidher ħafna fir-rakkont ta’ Ġwanni. Kristu huwa ppreżentat bħala Re li jaf is-sitwazzjoni u jirbaħha. Is-siegħa ta’ Ġesù, li issa waslet, hija deskritta b-episodji ta’ tbatija imma wkoll bil-mument tal-glorja tiegħu. Il-mibegħda tad-dinja tikkundanna lil Ġesù għall-mewt fuq is-salib, imma mill-għoli tas-Salib Alla juri l-infinità ta’ l-imħabba tiegħu. Hawnhekk, f’din id-dehra hekk krudili, f’din l-għotja ta’ Alla li tinsab il-glorja. Ir-rakkont ta’ Ġwanni jibda u jisġiċċa ġo ġnien biex qisu qed jgħidilna li Kristu ħa fuqu d-dnub ta’ l-ewwel Adam u li issa l-bniedem reġa’ sab is-sbuħija oriġinali tiegħu. Illum naħseb fuq dak li għamel għalija l-Mulej: fetaħ idejh għalija, għax ħabbni. Dan huwa Sid li tant iħobbni li lest li jerġa’ jagħmilha għalija. U jien? X’lest li nagħmel għall-oħrajn?


Matul il-jum irrepeti u ftakar spiss: “ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet” (Filippin 2: 8-9).

Is-Sibt

Is-Sibt Imqaddes: jum id-difna ta’ Alla. Dan il-jum huwa l-jum tagħna. Iż-żmien tagħna qisu sar “Sibt Imqaddes”, jum bla Alla. Sirna qisna telliefa bħad-dixxipli, falluti u b'qalbna maqtugħa. Bħalhom nerġgħu lura lejn id-dar, imtaqqlin, imkissrin bid-disperazzjoni tagħna. Qisna tlifna kull tama, kull ħeġġa. Bħalhom naħsbu li “mhux hawn” li “m’għadux fostna”. Imma llum rebaħ il-Mulej, il-Verità. Dan il-jum huwa ta’ riflessjoni profonda fuq ħajjitna. X’inhu dak li qed “jidfinni”, “joqtolni”? X’hemm iżommni milli ma’ Kristu mmut u nqum? Fil-fallimenti tiegħi nara biss l-ikrah jew inkella nara wkoll tama oħra, ta’ bidu ieħor? Kristu jinsab fis-silenzju tal-Qabar, jistenna l-jum li miegħu jqajmek għal ħajja ġdida. L-Għid mingħajr mewt mhu xejn u mewt mingħajr Għid huwa bluha. Miegħu mitna, miegħu nirxxuxtaw.


Matul il-jum irrepeti u ftakar spiss: “Tajjeb min jistenna fis-skiet, is-salvazzjoni tal-Mulej” (Lamentazzjonijiet 3:26).

Ħadd il-Għid

“Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta' Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar.” (Ġwanni 20:1).

Marija ta’ Magdala hija l-mudell tal-fedeltà lejn Kristu. Marret tiġri tgħid lill-appostli meta rat il-ġebla mwarrba. Meta waslu, baqgħu jikkontemplaw il-qabar vojt, in-nuqqas ta’ ġisem, nuqqas tal-prova. San Ġwann jiddeskrivi kollox bi preċiżjoni, kif għamel fil-qawmien ta’ Lażżru: liżar u maktur...u ħemda kbira. Ġwanni jgħidilna li Pietru baqa’ jikkontempla dik id-dehra imma kien hemm mistoqsija tberren f’moħħu -dubbju forsi? Imma “id-dixxiplu l-ieħor” daħal u emmen. Dan induna x’kien ġara. Ftakar fil-kelmiet ta’ Kristu fuq il-qawmien. Issa kollox kien qed jagħmel sens, issa kollox qisu qagħad f’postu: il-liżar, il-maktur, il-ġebla mwarrba, il-ġisem nieqes... Jgħaddi mir-realtà ta’ dak li qed jara, għal realtà iktar profonda, moħbija, mimlija fidi u għalkemm forsi ftit imċajpra imma hija bidu għall-għaqda sħiħa mal-Mulej. Min hu Kristu għalik? Flimkien miegħu nimxu lejn il-għodwa tal-qawmien, għodwa li ħelsitna mid-dnub u mill-mewt. Miegħu nħossuna rebbieħa fuq dak kollu li jfixkel u jxekkel. Nisimgħuh “Jien hu l-qawmien u l-ħajja”. U int, temmnu dan?


Matul il-jum irrepeti u ftakar spiss: “Jekk qomtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema” (Kolossin 3:1).

0