Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

ll-Marċi Funebri

Kitba ta' Keith Cauchi

Il-mużika dejjem kienet parti essenzjali mir-riti Kristjani. Mill-bidu tal-Kristjaneżmu sal-preżent, il-mużika sagra dejjem evolviet u ħadet diversi forom. Biżżejjed wieħed iqalleb ktejjeb tal-kant tal-Knisja u joħroġ biċ-ċar kemm hemm għażla vasta ta' kant u innijiet għaż-żminijiet differenti ta' matul is-sena mill-bidu sal-aħħar. Ta’ min jinnota li probabbilment l-aktar perjodu li hu miżgħud bl-innijiet u kull xorta ta’ kant u daqq hu propju dak ta’ żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Probabbilment dan hu minħabba l-fatt li t-tlitt ijiem sagri bejn il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir jiffurmaw l-akbar festa li tiċċelebra l-Knisja Universali. Hu propju f’dan l-isfond li nixħtu ħarsitna lejn il-mużika sagra ta’ dan il-perjodu, bi preċiż fuq dik ta’ natura proċessjonali funebri. F’Malta, din il-mużika m’hijiex bin-nieqes!


M’huwiex magħruf bl-eżatt meta l-ewwel purċissjonijiet ta’ kwalunkwa natura bdew fil-gżejjer Maltin, biss nafu li kien ikollhom xi forma ta’ akkumpanjament mużikali kif jattestaw l-istoriċi Pietru Pawl Castagna u Robert Mifsud Bonnici. Spiss dan kien jikkonsisti minn grupp ta’ ħbieb mużiċisti, kultant anka dilettanti, li kienu jdoqqu innijiet li spiss ikunu jindaqqu wkoll fir-riti ta’ ġewwa. Dan kien iż-żmien fejn mal-purċissjoni kien ikun hemm taħlita ta’ strumenti bħal flawti, fifri, vjolini u saħansitra orgnijiet bir-roti apposta għall-ġarr waqt il-purċissjoni. Dawn tal-aħħar kważi għebu għal kollox minn gżiritna u baqa’ biss waħdiet, uħud minnhom fi stat xejn sabiħ.


Ma’ nofs is-seklu dsatax, bl-eżempju mill-armata Ingliża, beda jinħass il-bżonn li tiġi ffurmata ‘banda formali’ kif isejħila Mifsud Bonnici. Kien għalhekk li fl-1851 Mastru Indri Borg waqqaf l-ewwel banda fuq il-mudell Ingliż ġewwa Ħaż-Żebbuġ u minn hemm, komplew segwew bosta rħula u l-bliet sabiex illum għandna ‘l fuq minn sebgħin każini tal-banda mferrxin mal-gżejjer tagħna. Uħud mill-baned Maltin kellhom surmastrijiet Taljani li ntroducew ir-repertorju tagħhom. Parti mir-repertorju rikk li ntroduċew kien il-'Marcia Funebre' bl-idjoma u l-istil Taljan. Il-komposituri Maltin iddakkru minn dan l-istil u komplew ikabbru dan ir-repertorju. Il-marċ funebru Malti maż-żmien evolva u ħa forma xi ftit differenti minn dak Taljan tas-seklu dsatax.


Il-marċ funebru tipiku huwa magħmul minn tliet taqsimiet: L-ewwel żewġ suġġetti jkunu miktubin f’tonalita’ ‘minor’, b’noti u armonija li joħolqu l-ħoss kiebi li jirrapreżenta l-mewt u l-atmosfera funebra. It-tieni parti, li hi l-parti tan-nofs tal-marċ ħafna drabi tissejjaħ ‘il-passaġġ’. It-tielet taqsima tal-marċ li tissejjaħ it-Trio, ġeneralment tkun miktuba b’tonalita’ ‘major’ li tirrapreżenta l-qawmien għal ħajja ta’ dejjem.


Ma nistax insemmi l-marċi funebri u ma nsemmix uħud mill-kompożizzjonijiet kif ukoll il-kompożituri l-kbar warajhom. Magħna l-Maltin jispikka ħafna l-marċ “Il Cipresso” ta’ Mro. Angelo Melilli li ta’ min jinnota jeżistu żewġ verżjonijiet tiegħu b’finali differenti minn xulxin. Marċ ieħor popolari ta’ Melilli huwa l-“Marcia Funebre”. Talent lokali brillanti hu wkoll Mro. Antonio Miruzzi li kiseb ukoll fama fl-Italja. Mill-pinna tiegħu ħarġu marċi monumentali bħal “Cordoglio” u “Rimpianto”. Ma jonqosx ukoll li nsemmi lil Mro. Vincenzo Ciappara li wkoll kien ħa l-fama tal-“prinċep tal-marċi” fostna l-Maltin. Dan il-kompożitur għaqli jispikka b’mod speċjali fl-użu tal-kontro melodija, iġifieri kif iżewweġ żewġ melodiji differenti li jikkumplimentaw lil xulxin b’tali mod li joħolqu melodija rikka. Hawn jispikka l-marċ “Mater Dolorosa” fost l-oħrajn. Isem ieħor li daħal mal-ġganti tal-mużika tal-marċi huwa dak ta’ Mro. Ray Sciberras. Mill-bosta kompożizzjonijiet li ħadem, l-aktar marċ ċelebri tiegħu hu l-“Via Dolorosa” li ġie mfaħħar ħafna sa tali punt li anka jiġi referut bħala “l-innu tal-Ġimgħa l-Kbira”.


Il-Marċi funebri fil-preżent jixhdu kemm it-tradizzjoni Maltija fiż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa għadha ħajja verament. Mal-mijiet li diġa jinsabu mferrxin fir-repertorji tal-baned Maltin u Għawdxin, kull sena jiżdiedu oħrajn ġodda. Uħud huma marċi kontemplattivi fejn it-tema magħżula tkun waħda relatata mal-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Oħrajn ikunu relatati ma’ xi ġrajja li tkun ħalliet il-vittmi inkella xi telfa ta’ xi ħadd mill-għeżież. Fuq din-nota, jien nagħlaq billi nsellem lis-surmastrijiet u kompożituri li ħallewna u li bis-saħħa tagħhom għandna dawn it-teżori li tant ngħożżu. Insellem ukoll lill ħbieb u l-qraba tagħna li marru jiltaqgħu mal-Mulej kif ukoll insellem lilkom qarrejja ta’ dan l-artiklu.


Il-marċi funebri jgħaqqduna u kull meta nisimgħuhom ifakkruna f’dawn ħutna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Il-memorja tagħhom, bħall marċi funebri, tibqa’ immortali... ma jmutu qatt!

L-Awtur, Keith Cauchi huwa l-amministratur tal-'YouTube Channel' bl-isem ta' Marci Funebri Malta

0