Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Passjoni ta’ Kristu fl-Erba’ Vanġeli Kanoniċi

Fl-evanġelji għandna erba’ rakkonti separati tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, kull wieħed jikkumplimenta lill-ieħor. Nistgħu naslu għall-għarfien ċar u sħieħ tal-istorja kollha wara li neżaminaw u nqabblu dawn l-erba’ rakkonti evanġeliċi.

L-ewwel tlett evanġelji li nkitbu, jiġifieri dawk ta' San Mark, San Mattew u San Luqa, li jissejħu s-Sinottici, jixbħu ħafna lil xulxin fit-tifsila tagħhom tal-ġrajja tal-Passjoni tant li nistgħu nissoponu li kien jeżisti fonti oriġinali bikri ħafna, forsi miktub, forsi mgħoddi bil-fomm minn dawk li raw b'għajnejhom, li serva bħala bażi għall-kitba ta’ dawn it-tliet evanġelisti. Jekk naqbdu dak li huwa komuni bejn dawn it-tliet evanġelji, nistgħu nobsru li dan il-fonti oriġinali kien jinkludi dawn l-episodji: It-tradiment ta’ Ġuda; it-tħejjija għall-ikla tal-Għid; l-aħħar ċena (b’referenza qasira ghat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija); l-agunija fl-ort tal-Ġetsemani, u l-arrest ta’ Ġesu li mbagħad jittieħed quddiem Kajfa, fejn hemm jigi eżaminat u mixli bid-dagħa. Wara nsibu t-tlett ċaħdiet ta’ San Pietru u lil Ġesu’ jittieħed quddiem Pilatu. Pilatu jipprova jitilqu bl-iskuza tal-festa iżda ma jirnexxilux għaliex il-miġemgħa tallbet għall-ħelsien ta’ Barabba. Wara dan, l-evanġelji jgħidulna li Pilatu iċedi għat-talba u l-insistenza tas-Sinedriju u l-poplu u wara li jagħtih is-swat, itihulhom biex isallbuh. Kif se naraw f’aktar dettal `il quddiem, ir-rakkont tal-kruċifissjoni ivarja daqxejn bejn l-evanġelisti sinottiċi f’dak li huwa l-kliem ta’ Ġesu, l-atitudni tal-miġemgħa u l-ġrajjiet li seħħew mal-mewt ta’ Kristu. Ir-rakkont jagħlaq bit-talba lil Pilatu biex jitniżżel il-ġisem ta’ Ġesu’ u bid-difna fil-qabar ġdid ta’ Ġużeppi ta’ Arimateja.   

 Tajjeb li nifhmu mill-ewwel li minbarra l-fatt li l-erba’ vanġeli nkitbu fi żmien differenti, il-messaġġ li riedu jwasslu l-evanġelisti kien ukoll immirat lejn udjenzi differenti u dan jispjega l-enfażi li poġġew fuq ċerti avvenimenti li ġraw fil-passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. San Mattew kiteb l-evanġelju għall-insara ta’ nisel Lhudi u fih hemm insistenza fuq Ġesu’ bħala l-veru Messija mibgħut minn Alla, il-Kristu. Fil-Fatt, sa mill-bidu tal-Evanġelju tiegħu, Mattew isejjaħ lil Ġesu' 'Għimmanuel' li tfisser 'Alla magħna'. Fir-rakkont tiegħu tal-Passjoni, insibu numru ta’ episodji distinti li ma jidhrux fit-tnejn l-oħra. L-evanġelju skont San Mark huwa mibni bejn wieħed u ieħor, fuq l-istess ordni ta’ dak ta’ San Mattew għalkemm kif jgħidulna kittieba ta’ l-ewwel żminijiet, Marku kiteb għall-insara ta’ Ruma li kienu qalbu mill-paganiżmu. It-tielet evanġelista - San Luqa - jenfasizza l-imħabba universali kif murija minn Sidna Ġesu’ u mwettqa bil-passjoni u l-mewt tiegħu bħala l-att kbir li bih l-umanita giet mifdija.


Jidher li San Luqa kellu ħafna tagħrif differenti mill-oħrajn fuq il-Passjoni u għalhekk fir-rakkont tiegħu, hemm numru ta’ karatteristiċi importanti li jiddistingwuh mit-tnejn l-oħra. Ir-raba’ u l-aħħar vanġelu li inkiteb huwa dak ta’ San Ġwann. Għalkemm m’hemmx dubju li dan kien familjari mar-rakkont tal-ġrajja kif deskritta mit-tliet evanġelisti ta’ qablu, jagħżel li jagħti rakkont indipendenti ta’ din l-akbar ġrajja. Filwaqt li, kif ser naraw aktar ‘il quddiem, Ġwanni jagħti ħafna dettalji li ma nsibux fl-evanġelji sinottiċi, fl-istess ħin iħalli barra episodji li l-istess sinottiċi jagħtuhom importanza fil-kitba tagħhom bħall-Ewkaristija u l-agunija fil-Ġetsemini. Għal Ġwanni, tul il-Passjoni tiegħu. Kristu m'huwiex il-vittma imma ir-Ragħaj it-Tajjeb li ta ħajjtu għall-merħla tiegħu minn jeddu u skont il-pjan imfassal minn Alla. Il-Ġrajja tal-Passjoni tal-Mulej Ġesu' tesponi l-kunflitti bejn id-dawl u d-dlam, bejn il-verita' u l-falzita, bejn il-ħajja u l-mewt. Madankollu, huwa neċessarju li wieħed ikun qara l-ewwel tlett rakkonti (is-sinottiċi) biex jista jifhem ir-rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann.

Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn jidher li hemm ukoll nuqqas ta’ qbil bejn dan ir-raba’ vanġelu u dawk Sinottici dwar id-data preċiża tal-kruċifissjoni, li tqajjem id-dubju jekk l-aħħar ċena tal-Mulej kinietx fl-aħħar mill-aħħar l-ikla ta’ l-Għid. Kieku kellna biss it-tliet vanġeli Sinottiċi, konna naslu biex nikkonkludu li hekk kien, jiġifieri li l-appostli flimkien ma Ġesu’ kielu l-ikla tal-Għid. Dan għaliex dawn jitkellmu fuq it-tħejjija għall-Pasch u mkien ma jagħtuk x’tifhem li l-ikla mal-Mulej kienet xi ħaġa oħra. Iżda San Ġwann fir-rakkont tiegħu jenfasizza li l-ikla tal-Għid innifisha ma kelliex issir qabel l-għada. Fil-fatt jirrimarka li l-Lhud ma riedux jidħlu għand Pilatu, għaliex beżgħu li jitniġġsu, u b’konsegwenza ma jkunux jistgħu jieklu l-ikla ta’ l-Għid. Tant hu ċar fi kliemu, li diffiċli jinftiehem ħażin. Fl-istess ħin anki fis-Sinottiċi hemm siltiet li jippuntaw lejn l-istess direzzjoni. Eżempju, Ġużeppi ta’ Arimateja, irnexxielu jixtri l-liżar għad-difna (Mark15:46), xi ħaġa li ma kinietx tkun possibli kieku kienet il-ġurnata tal-festa.


Ir-rakkont tal-Passjoni jibda f’Mattew 26, Mark 14, Luqa 22 u Ġwanni 12 bil-kumplott kontra Ġesu’ u bl-ikla f’Betanja u jkompli jiżviluppa kif se naraw:


F’Ġerusalemm, Ġesu jagħmel l-aħħar ċena mad-dixxipli tiegħu u jwaqqaf l-Ewkaristija. Jagħti l-aħħar twissijiet lid-dixxipli, ibassar it-tradiment tiegħu u jitlobhom biex jiftakru fih. Is-sinottiċi huma simili ħafna għal xulxin fid-deskrizzjoni ta’ x’ġara matul din l-ikla għalkemm Luqa jagħtina xi ftit aktar tagħrif bħax-xewqa kbira li kellu Ġesu’ li jiekol l-aħħar ikla tal-Għid ma’ l-appostli. Ninnutaw ukoll li l-ewwel darba li Ġesu’ tahom l-inbid u lissen il-kliem “Ħuduh u aqsmuh bejnietkom”, l-inbid kien għadu mhux ikkunsagrat iżda wara din l-ewwel tazza kienu jixorbu aktar. Skont Luqa, waqt l-għoti tal-Ewkaristija, mal-kliem “Dan hu ġismi” Kristu żied “mogħti għalikom, agħmlu dan b’tifkira tiegħi” biex b’hekk waqqaf fil-knisja tiegħu l-ordni tas-saċerdozju u ta’ s-setgħa lill-qassisin biex ifakkru dak li għamel hu. Luqa jagħti x’jifhem li Ġuda kien għadu ma’ l-appostli meta Kristu waqqaf l-Ewkaristija u għalhekk tqarben ma’ l-appostli l-oħra.

B’kuntrast ma dan, f’Mattew u Mark, it-tradiment ta’ Ġuda kien mikxuf qabel u aktarx li hu ħareġ dak il-ħin stess jiġifieri qabel it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija. Jista jagħti l-kas li Luqa fired il-kxif tat-tradiment mir-rakkont taċ-ċena biex ma jifridx l-Ewkaristija miċ-ċena. Episodju ieħor li jsemmi Luqa huwa t-tilwima żgħira li qamet fost l-appostli fuq min hu l-akbar fosthom. Mark u Mattew isemmu dan l-episodju imma f’ċirkustanzi oħra. Jista jkun li Luqa idaħħlu hawn għal raġunijiet letterarji. Interessanti li San Ġwann huwa l-uniku evanġelista li jsemmi l-episodju ta’ Ġesu jaħsel saqajn l-appostli u juża’ din is-silta għal żewġ għanijiet, waħda biex jgħid li wieħed minnhom (b’referenza għal Ġuda) ma kienx nadif bħall-oħrajn imma aktar importanti min hekk biex juri lill-appostli li kif hu li kien ‘l-Imgħallem’ wasal biex jaħslilhom saqajhom hekk ukoll għandom jagħmlu huma lil xulxin.


Ġwanni jagħżel li jdaħħal ħafna tagħlim ta’ Kristu li fl-evanġelji sinottiċi jidher isir f’ċirkustanzi oħra bħala diskors li sar waqt din l-ikla mportanti. Għandna tliet Kapitli sħaħ (14-17) minn dan it-tagħlim.


Wara l-ikla, Ġesu jerħilha lejn il-Ġetsemeni mad-dixxipli tiegħu; jgħidilhom li matul dak il-lejl kienu se jinfixlu u jaħarbu; Pietru jipprotesta li hu qatt ma kien se jagħmel dan imma Ġesu jgħidlu li jkun diġa’ ċaħdu tliet darbiet qabel jidden is-serduq. Aktar tard, waqt li d-dixxipli jorqdu, Kristu maħkum minn niket kbir, jitlob lil missieru biex jekk jista’ jkun iwarrab minnu dan il-kalċi. Hawnhekk, huwa San Luqa waħdu li jaċċenna n-niket ta' Kristu quddiem l-imrar li kien se jgħaddi minnu tant li deher anġlu biex ifarrġu waqt li kien qiegħed jitlob u jgħereq għaraq bid-demm.

Imbagħad ġemgħa ta’ nies armati bis-sjuf u bil-bsaten u mmexxija minn Ġuda l-Iskarjota jarrestaw lil Ġesu filwaqt li d-dixxipli kollha jaħarbu. L-evanġelisti jaqblu bejniethom fuq x’ġara waqt l-arrest għalkemm ivarjaw xi ftit fuq il-kliem ta’ Ġesu’. Mark jirrakkonta episodju bi ftit importanza li huwa taż-żagħżugħ li neża’ ħwejjġu u telaq jiġri għeri. Xi studjużi bassru li dan iż-żagħzugħ seta' kien l-evanġelista Marku innifsu.


Ġwanni jagħtina aktar dettalji fuq il-kas tal-qaddej tal-qassis il-kbir li safa midrub bis-sejf. Kien jismu Malku u kien Xmun Pietru li qatagħlu widnejh. Skont l-evanġelista, Ġesu’ messlu widnejh u fejjqu. Ġwanni jżid ukoll li hekk kif Ġesu’ qal lis-suldati li hu kien il-persuna li qegħdin ifittxu, huma reġgħu lura u stabtu mal-art.


Matul il-lejl, Ġesu’ jittieħed fis-Sinedriju quddiem il-qassis il-kbir; jiġi nterrogat u mixli li qed jidgħi meta jistqarr li hu l-Messija, bin Alla; jaqtgħuha li ħaqqu l-mewt u jibagħtuh quddiem Ponzju Pilatu. Ta’ min jinnota li Ġwanni huwa l-uniku evanġelista li kiteb li l-ewwel, Ġesu’ ġie nterrogat minn Anna (li kien jiġi missier il-mara ta Qajfa).

Fl-istess ħin, Mark waħdu jsemmi li x-xhieda li nġiebu biex jitkellmu fuq Ġesu’ ma qablux bejniethom. Ta’ min jgħid li l-laqgħa fis-Sinedriju li jsemmu Mark u Mattew saret bil-lejl iżda din kienet kontra l-liġi taż-żmien u ħafna mill-membri tal-kunsill ma kienux hemm. Għalhekk, il-laqgħa kellha terġa' ssir fil-għodu kif jiċċara San Luqa.


Sadanittant, Pietru kien mexa wara Kristu u ngħaqad mal-miġemgħa biex jara x’se jiġri minnu; x’uħud issuspettaw fih u xlewh li rawh ma Ġesu’ imma hu jiċħad li jafu tliet darbiet; F’daqqa jidden is-serduq u Pietru jiftakar x’kien qallu Ġesu’.

Ġwanni waħdu jsemmi li ma Pietru fil-palazz ta’ Qajfa kien hemm dixxiplu ieħor. X’uħud jaħsbu li dan seta’ kien San Ġwann innifsu li min naħa ta’ ommu kien ġej minn nisel tal-qassisin u għalhekk forsi kien midħla tal-palazz. Oħrajn huma tal-fehma li seta' kien l-evanġelista Marku.


Mattew waħdu jsemmi li Ġuda mimli sogħba għat-tradiment li wettaq, ipprova jrodd lura it-tletin biċċa tal-fidda lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ iżda dawn ma riedux jafu u fid-disperazzjoni li qabbditu, Ġuda rema l-flus fit-tempju u mar tgħallaq. Ikompli jirrakkonta li b’dawn il-flus, il-qassisin il-kbar xtraw għalqa li semmewha l-Għalqa tad-Demm.


L-Evanġelju ta’ San Luqa jsemmi li hekk kif Pilatu sar jaf li Ġesu’ kien mill-Galilija, bagħtu biex jiġi ġġudikat minn Erodi Antipas li nzerta Ġerusalemm għall-festa ta’ L-Għid.


Dan għall-ewwel feraħ meta ra lil Ġesu’ u stenna li dan jagħmel xi miraklu quddiemu, saqsih diversi mistoqsijiet imma Ġesu’ ma wieġeb xejn. Għalhekk, Erodi iddieħek bih u bagħtu lura għand Pilatu wara li xeddlu libsa ta’ lewn jgħajjat. Ironikament, l-eżekuzzjoni ta' Kristu reġgħet ġabet l-għaqda bejn Pilatu u Erodi li sa dakinhar kienu miksura ma' xulxin.

L-evanġelji kollha jsemmu lil Barabba li ġie meħlus minflok Ġesu’. Madankollu, filwaqt li Mattew, Mark u Ġwanni jgħidu li Pilatu ħalla l-għazla ta’ min se jinħeles bejn Ġesu’ u Barabba f’idejn il-folla, Luqa ma jgħidx li Pilatu offra din l-għażla imma li l-folla tallbet hi il-ħelsien ta’ Barabba.


Fl-evanġelji kollha insibu li Pilatu staqsa lil Ġesu’ jekk huwiex is-sultan tal-Lhud u hu jwieġeb “Int għidt”. Mattew huwa l-uniku evanġelista li jsemmi l-ħolma ta’ mart Pilatu li setgħet kienet semgħet b'Ġesu' u bit-tagħlim tiegħu. Ġaladarba ġie kkundannat minn Pilatu, Ġesu’ ġie fflaġellat qabel ittieħed għat-tislib. L-evanġelji Kanoniċi bl-eċċezzjoni ta’ Luqa isemmu li s-suldati ħadu lil Ġesu’ fil-pretorju fejn skond Mattew u Mark, inġemgħu il-qatgħa sħiħa ta’ suldati. Libbsulu mantar aħmar, u poġġew kuruna tax-xewk fuq rasu, u skond Mattew, qegħdulu qasba f’idu l-leminija. Iddieħku bih billi bdew isellmulu bħala s-sultan tal-Lhud waqt li jagħtuh fuq rasu bl-qasba.


San Luqa biss isemmi li Pilatu ma sab l-ebda ħtija f’Ġesu’. Minn naħa l-oħra, l-evanġelista Ġwanni jenfasizza l-ħerqa ta’ Pilatu biex jeħles lil Ġesu tant li, skond hu, ħarġu quddiem il-folla għat-tieni darba, liebes il-mantar aħmar u l-kuruna tax-xewk bl-intenzjoni li juri l-innoċenza tiegħu u lissen il-kliem “Ecce Homo” – “Ara, ir-raġel”. Iżda, skont Ġwanni, il-folla mxewwxa mill-qassisin il-kbar wieġbet bil-kliem “sallbu, sallbu” u “għall-mewt, għall-mewt” u akkużat lil Pilatu b’nuqqas ta’ rispett lejn Cesri. F’din is-sitwazzjoni, Pilatu ċeda għat-talba tal-folla u skont San Mattew biss ħasel idejh bħala sinjal li m’għandu l-ebda ħtija fid-demm li kien se jinxtered.

Mark u Mattew jiktbu li Ġesu’ ġie mgħoti lura ħwejjġu qabel ma ttieħed għall-eżekuzzjoni.


It-tliet vanġeli sinottiċi jsemmu lil ċertu Xmun iċ-Ċirinew li tqabbad jerfa’ s-salib fit-triq lejn il-Golgota (Mark 15:21, Matthew 27:32, Luke 23:26) iżda skont Ġwanni (19:17), Ġesu’ ġie mġiegħel jerfa’ salibu. Mark saħansitra jagħti l-ismijiet tat-tfal taċ-Ċirinew bħala Xandru u Rufu. Luqa jagħti x’jifhem li lil Xmun iċ-Cirinew “għabbewh is-salib biex iġorru wara Ġesu” u jżid li kotra kbira ta’ poplu u nisa mxew warajh jibku u jnewħu b’Ġesu’ jirrispondihom billi jikkwota lil Profeta Ħosegħa 10:8.


Skont is-sinottiċi, mal-wasla fuq il-Golgota, Ġesu’ ġie offrut jixrob taħlita ta’ inbid bil-marrara biex jitnaqqaslu l-uġigħ iżda hu ma riedx.


Pilatu ordna li l-kundanna ta’ Ġesu tinkiteb fuq plakka u titwaħħal fuq is-salib u skont Ġwanni din inkitbet bl-aramajk, bil-Grieg u bil-Latin – Iesu Nazarenus Rex Iudeorum- li tfisser Ġesu’ Nażżarenu, sultan tal-Lhud. Mark jgħid li l-kitba kienet sempliċiment tgħid – Sultan tal-Lhud. L-evanġelji, imbagħad jgħaddu biex jgħidu li l-ħwejjeġ ta’ Ġesu ġew maqsuma bejn is-suldati ħlief għat-tunika li għaliha tellgħu ix-xorti. Ġwanni jżid jgħid li b’hekk twettqet il-Profezija fis-Salmi 22:18 – “Qasmu ħwejjġi bejniethom u fuq libsti tefgħu x-xorti”. Parti mill-folla bdiet tiddieħak bih u tgħajjru u tinċitah li jeħles lilu nnifsu.

L-evanġelji jgħidulna li żewġ ħallelin ġew misluba wieħed kull naħa ta’ Ġesu’. Skont Mattew, it-tnejn li huma bdew jgħajjru lil Ġesu’ filwaqt li Luqa jiċċara li wieħed minnhom għajjar lil Ġesu’ waqt li l-ieħor iddikjara li Ġesu’ kien innoċenti u talbu biex jaħseb fih meta jasal fis-saltna tiegħu. Ġesu’ rrispondih li dak in-nhar stess kellu jkun fil-ġenna miegħu. Hawnhekk għandna l-konferma li kif jagħmel tul il-vanġelu tiegħu kollu, Luqa jesponi lil Kristu bħala dak li jfittex il-mitlufa biex isalvahom.

Inħarsu issa lejn il-kliem li lissen Ġesu’ waqt li kien fuq is-salib. Luqa jagħtina xejn anqas minn tlieta mis-seba’ kelmiet li nsibu fl-evanġelji u dawn huma it-talba li Ġesu’ għamel għall-istess nies li ikkundannawh; il-wegħda li għamel lill-ħalliel li nidem u l-aħħar kelma li lissen qabel miet “Missieri, f’idejk jien nerħi ruħi.”


Ġwanni huwa l-uniku evanġelista li jsemmi l-preżenza ta’ ommu Marija u “tad-dixxiplu l-maħbub” ta’ Ġesu’ wiqfien taħt is-salib. Kiteb li Kristu poġġa lil ommu fil-kustodja ta’ dan id-dixxiplu meta qal “Mara, ara ibnek” u “Ara, ommok”. Skont Ġwanni ukoll Ġesu’ qal “Għandi l-għatx” u qabel ma miet “Kollox mitmum”.


Is-Sinottiċi jaqblu li s-sema ddalmet għall-ħabta ta’ nofs in-nhar (is-sitt siegħa) u baqgħet hekk għal tlett sigħat (sad-disa’ siegħa) meta skont Mattew u Mark, Ġesu’ għajjat Eloi, Eloi, lama sabachthani? (Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?). Mal-mewt ta’ Ġesu’, iċ-Ċenturjun li kien għassa, u ra dak li ġara, iddikjara li Ġesu’ kien bla ħtija (Luqa) u Bin Alla (Mattew u Mark).


Il-ġrajjiet li seħħew malli Ġesu’ radd ruħu ivarjaw bejn l-evanġelisti. Filwaqt li Ġwanni ma jsemmi xejn, Mattew jgħarrafna b'xejn anqas minn erba’ avvenimenti strambi. Skont hu, “l-art theżżet u l-blat inferaq”, “l-oqbra nfettħu u l-iġsma ta’ ħafna qaddisin mejta qamu” u “ħarġu mill-oqbra, wara li hu qam mill-mewt u ġew fil-belt imqaddsa u dehru lil ħafna”. It-tlett sinottiċi jaqblu li l-purtiera tat-tempju ċċartet.

Luqa huwa l-uniku evanġelista li jurina l-bidla li seħħet fil-miġemgħa mal-mewt ta’ Ġesu’. L-istess nies li sa ftit qabel kienu mimlijin mibegħda lejh “reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom”.


Episodju ieħor li jissemma minn Ġwanni biss huwa il-ksur tas-saqajn tal-ħallelin, drawwa komuni f’dawk iż-żminijiet meta kienu jridu li l-ikkundannati jmuti mingħajr dewmien.


Lil Ġesu, madankollu sabuh diġa mejjet, għalhekk ma kienx hemm din il-ħtieġa imma “wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu bil-lanza u minnufih beda ħiereġ demm u ilma” żewġ simboli li jirrappreżentaw l-ewkaristija u l-magħmudija. Ġwanni jżid li dan sar biex isseħħ il-kitba “Ma jkissrulu l-ebda għadma” u oħra li tgħid “Iħarsu lejn dak li nifduh”.


Nagħlqu bid-difna ta’ Ġesu’. L-erba’ evanġelisti jaqblu fis-sustanza dwar x’ġara jiġifieri li Ġużeppi ta’ Arimateja ġab il-permess mingħand Pilatu biex ikun jista jniżżel il-ġisem ta’ Kristu li imbagħad tpoġġa ġo qabar ġdid mhux wisq il-bogħod minn fejn kien mislub. Interessanti li skont Mark, Pilatu stagħġeb li Ġesu kien ġa miet u talab il-konferma mingħand iċ-ċenturjun.


Tajjeb ninnutaw ukoll li l-evanġelisti jenfasizzaw li kien hemm numru ta’ nies li raw fejn kien tpoġġa Ġesu’. Minbarra Ġużeppi ta’ Arimateja li jissemma mill-erbgħa li huma, Mattew u Mark isemmu lil Marija ta’ Magdala u Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġose’. Luqa ma jagħtix ismijiet tax-xhieda imma xorta jgħid li n-nisa li kienu ġew ma Ġesu’ mill-Galilija baqgħu sejrin wara Ġużeppi u ‘raw il-qabar u kif kien imqiegħed ġismu.’ Ġwanni huwa l-uniku evanġelista li jdaħħal fix-xena lil Nikodemu li ħa miegħu ‘mitt libbra ta’ taħlita ta’ morr u sabbara.’


Referenzi


Kwotazzjonijiet mill-Bibbja maqlub mill-ilsna oriġinali minn Monsinjur Professur P.P. Saydon


Spjega ta’ L-Aħbar it-Tajba minn Monsinjur Professur P.P. Saydon – L-Erba’ Evanġelji Edizzjoni Societas Doctrinae Christianae M.U.S.E.U.M. 

Carl Bloch (1834-1890)

Carl Heinrich Bloch twieled Copenhagen id-Danimarka fit-23 ta’ Mejju 1834. Għalkemm missieru kien negozjant u l-familja ma kienet nieqsa minn xejn, Carl u ħutu trabbew fil-biża’ t’Alla u jgħożżu l-ġmiel tas-sempliċita. Missieru kien spiss jaqra siltiet mill-Bibbja.


It-talent ta’ Bloch għall-arti deher minn eta’ bikrija tant li l-għalliem tiegħu, il-pittur magħruf Theodor Restorff kien jassenjalu xogħol aktar diffiċli milli kien jagħti lill-istudenti l-oħra.


Fil-bidu tal-karriera tiegħu, Karl kien ipitter l-aktar xeni rurali mill-ħajja ta’ kuljum. Fl-1859 rebaħ borża ta’ studju mill-Akkademja tal-Arti li ħaditu jistudja f’Ruma. Kien f’dan il-perjodu li l-artist żviluppa sew l-istil storiku tiegħu u pitter serje sħiħa ta’ kwadri Reliġjużi li għamluh famuż. Fost dawn insemmu ‘Sansun’, u ‘It-Tifla ta’ Ġajru’.


Lura għad-Danimarka, Bloch kiseb suċċess enormi bil-pittura - ‘il-Liberazzjoni ta’ Prometeus’ li ġiet esebita fil-Mużew famuż tal-Arti ‘Charlottenborg’ f’Copenhagen fl-1865. Ġie kkummissjonat biex ipinġi 23 pittura għall-kappella tal-Kastell ta’ Frederiksborg. Dawn kienu kollha xeni mill-ħajja ta’ Kristu, tpittru bejn l-1865 u l-1879 u għadhom famużi sal-ġurnata tal-lum. Ir-reputazzjoni ta’ Bloch issa kibbret tant li sar wieħed mill-aktar artisti mfittxija għall-Kwadri titulari fil-knejjes.


Bloch marad bil-kanċer u miet fit-22 ta’ Frar 1890. Hu ikkunsidra lilu nnifsu bħala Kristjan u m’hemmx dubju li l-figura ta’ Kristu fil-pitturi tiegħu tipprova dan. Matul ħajtu, Carl Heinrich Bloch ipproduċa 250 pittura.

0