Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

L-Arti tar-Restawr

Intervista lil Dun Charles Vella - Konservatur u Restawratur

minn Adrian Sammut u Marco Saliba (It-Tieni Parti)

Induru issa għar-restawr li għamilt fuq is-sett tal-Belt. Kif ittieħdet il-deċiżżjoni li tibda mid-Duluri?

Id-duluri kienet l-ewwel mill-vari li rrestawrajt mis-sett tal-Belt u mn’Alla kien hekk għax il-ħsara strutturali li kellha kienet kbira, u kieku ma bdejniex minnha setgħet, Alla ħares qatt, tweġġa’ n-nies waqt xi purċissjoni. Il-problema ewlenija kienet ġejja mill-fatt li s-salib kien intrabat mal-blokka fejn tinsab bil-qegħda l-figura tal-Madonna. Waqt l-irfigħ tal-vara, iċ-ċaqliq tas-salib kien qed jagħmel ħafna ħsara. Il-problema solvejtha billi rbatt is-salib mal-bradella u għalhekk eliminajt l-iskossi fuq il-figura tad-Duluri. Għalkemm id-duluri hija ta’ Saverio Laferla tas-seklu tmintax, matul is-snin saru diversi nterventi fuqha tant li kellha diversi passati ta’ żebgħa kif ukoll kisja fajberglas. Imma l-ikbar tibdil sar min Ġużeppi Caruana magħruf bħala l-marċjol, li, f’nofs is-seklu għoxrin, bidlilha r-ras tagħha kompletament. Il-probabbilta hi li l-wiċċ ta’ Laferla dejjaq lill-Beltin ta’ dak iż-żmien u l-marċjol irnexxielu jikkuntentahom billi ħadem wiċċ li nistgħu ngħidu ħariġlu tajjeb ħafna. Interessanti ngħidu wkoll li Laferla ħadem l-istatwa tad-duluri fuq oħra aktar antika. Ir-restawr kien jinvolvi t-tneħħija tal-passati taż-żebgħa imbagħad reġgħet tpittret bil-kuluri oriġinali tagħha fosthom bil-blu imsejjaħ azurite li ntuża għall-mant.

Is-sena ta’wara jiġifieri fl-2006 kien imiss il-Marbut. X’kien jeħtieġ?

L-ewwel li għamilt bħal fil-każ tad-Duluri kienet stratagrafija. Għalkemm kellu diversi passati ta’ żebgħa u l-originali kien imkabbar ħafna, nista’ nikkonferma li l-interpretazzjoni saret fidila lejn l-original. L-iskultur tiegħu Piertu Pawl Azzopardi flimkien mal-kontemporanji tiegħu Marjanu Gerada u Xandru Farrugia (imma mhux Salvu Psaila) bdew jinterpretaw l-arti sagra għan-neo-klassiku. Jien pittirtu kemm kien possibli skont il-karnaġġjon oriġinali.

Waqt ir-restawrtal-Ecce Homo instabet dokumentazzjoni ġdida fuq l-awtur tal-Kurċifiss mirakoluż meqjum f’Ta’ Ġieżu. X’rabta hemm bejn dan u l-Ecce Homo?


Il-Patrijiet Franġiskani Umile Pintorno u Innocenzo da Petralia kienu jaħdmu fl-istess kunvent u fl-istess żmien. It-tnejn kellhom spiritwalita kbira u x-xogħol tagħhom tant jixxiebah li xi minn daqqa huwa diffiċli tgħid liema hu ta’ wieħed u tal-ieħor. Sa ftit żmien ilu il-Kurċifiss mirakuluż li hemm f’ta’ Ġieżu kien meqjus xogħol ta’ Frate Umile. Ġara iżda li waqt li konna qegħdin nagħmlu r-riċeka fuq l-Ecce Homo, Patri Ġorġ Aquilina sab irċevuta tal-ordni tal-Kurċifiss datata l-1648 li kienet maħruġa lil Frate Innocenzo u għalhekk din biddlet l-istorja. Ma nstab l-ebda dokument marbut ma’ l-Ecce Homo iżda l-indikazzjonijiet kollha juru li dan huwa ta’ l-istess awtur.


X’inhu x-xebħ li hemm bejn dawn iż-żewġ opri?


Fl-arti għandek dawn it-tipi ta’ attribuzzjonijiet (1) ta’ dokumentazzjoni, jiġifieri għandek l-ittra tal-kummissjoni jew l-irċevuta, (2) l-opra fiha nnifisha li titqabbel ma’ xogħol ieħor u turik min seta’ kien l-awtur tagħha. Eżempju jekk nieħdu l-pittura titulari fil-Knisja Arċipritali tal-Mosta li għal ħafna żmien kienet attribwita lil Pascuale Buhagiar, min jifhem fl-arti minn dejjem sostna li għandha l-karatteristiċi, l-istil u l-impronta kollha tax-xogħol ta’ Stefano Erardi. Iż-żewġ Patrijiet li semmejna għandhom l-istess karatteristiċi primarji. L-ewwenett għalkemm kienu jaħdmu primarjament fuq stil gotiku, ma kellhomx stil proprju u għamlu xogħol fuq stil barokk ukoll – l-Ecce Homo huwa fuq stil barokk. Imma kemm Umile kif ukoll Innocenzo għandhom ħames karatteristiċi li huma primarjament tagħhom, (1) ix-xewka li tinfed mill-istess post fir-ras, (2) il-gonfiori jew nefħiet li jkollu mal-ġisem kollu (3) iċ-ċeralakka li hi taħlita ta’ xema’ jew reżina naturali tas-siġar imħallta mal-kulur aħmar u kif tkun għadha taħraqt intefa’ fuq l-istatwa. Kif tiksaħ tagħqad u tiġi qisha ċapap tad-demm u (4) il-parċimina li kienu jużawha fil-ferita biex jagħtu mpressjoni tal-ġilda qed titqaxxar minn postha- din issibha kemm fil-Kurċifiss kif ukoll fl-Ecce Homo, u tant u tant attribuzzjonijiet oħra!


Jiġifieri x’kienu l-interventi ewlenin li għamilt fuq l-Ecce Homo?


L-interventi li għamilt waqt ir-restawr kellhom l-għan li nreġġa’ l-istatwa lura għall-istat oriġinali kif ħadimha Patri Innocenzo. Il-gonfiori li semmejt qabel kienu hemm imma ġew illimati, wisq probabbli minn Saverio Laferla biexi qabbel l-istatwa mas-sett tiegħu. Jiena dawn erġajt bnejthom mill-ġdid kif kienu oriġinarjament. Sibt ukoll li d-daqna kienet ġiet estiża u għalhekk ħadt ħsieb li nneħħi din iż-żieda. Il-kuruna tax-xewk ukoll kienet ġiet mibdula u din erġajt bnejtha mill-ġdid skont l-istatwa oriġinali u skont dik tal-kurċifiss. Id-dahar kien ukoll immodifikat fil-passat. Fil-fatt meta kxiftu sibt li oriġinarjament kien ġerħa waħda. Dawn l-interventi kienu ġġustifikati għax kont qed nara artist aktar importanti, kif ukoll l-interpretazzjonijiet sucessivi ma baqghux jirrispettaw l-awtentiċita artistika, u kienu qed ifaqqru il-gmiel li kien moħbi taħt il-maskli ta passati fuq xulxin.

Hemm leġġenda li tgħid li wiċċ il-Kurċifiss saret b’intervent divin.X’taħseb fuqha?


Din hemm spjegazzjoni sempliċi għaliha. Il-wiċċ tal-kurċifiss u anki tal-Ecce Homo maħdumin bil-maskla jiġifieri l-wiċċ jinħadem għalih u separatament mir-ras imbagħad kif ikun lest jingħaqad mar-ras. Ovvjament xi ħadd ma jifhimx fil-mestier ra l-kurċifiss bla wiċċ ftit qabel ma dan twaħħal f’postu mill-iskultur. Kif, l-għada filgħodu , l-istess persuna reġgħet ratu bil-wiċċ, ma setgħetx tifhem kif dan seta’ ġie skolpit matul il-lejl u b’hekk bdiet timxi x-xniegħa li dan sar b’miraklu.


L-Aħħar żewġ vari li rrestawrajt kienu r-Redentur u l-vara l-Kbira?


Iva, ir-Redentur kellu bżonn żebgħa biss, interpretazzjoni polikromatika, wara stratagrafija. L-originali ddetterjora kompletament b’interpretazzjonijiet suċċessivi. L-aħħar waħda kient bidlet il-konsistenza minħabba interventi biz-żjud tal-kittien, u l-kuluri tbiddlu b’reazzjoni għaż-żejd b’mod li ma jirriversax. Fuq il-Vara l-Kbira saru l-istess interventi bħal tar-Redentur għalkemm il-Kurċifiss kellu ħafna fajberglas fuqu li kellu bzonn ħafna aktar xogħol biex jiġi mneħħi.


Kien hawn min ikkummenta li l-vari ġew ileqqu żżejjed. Xi tgħid?


La darba l-vara tkun lesta mill-interventi u ż-żebgħa, ikun hemm bżonn li jingħata 'final protective layer', iżda dan ma jdumx ileqq, għax is-sena ta wara jimmatja.

F’hiex wasal ix-xogħol fuq Ir-Redentur tal-Isla?


Wara studju xjentifiku li qed jsiru fuqu bħalissa, għaddej bil-kitba ta’ rapport dettaljat li dan jibqa’ jiġi segwit matul iz-zmien. B’hekk ikun hemm stampa ċara, ibbażata fuq studju xjentifiku tal-qagħda u l-istat li fih qieghed bhalissa. Immal-għan jibqa’ wieħed, dak ta’ konservazzjoni preventiva, jiġifieri li nwaqqfu dak kollu li qed jikkawżalu l-ħsara imma bl-inqas interventi possibli fuq il-vara nnifisha. Mela allura irridu nħarsu bis-serjeta lejn diversi aspetti indiretti bħal ngħidu aħna kif qed isir l-irfigħ tal-vara, eċċ. Dan jibqa jiġi immoniterjat, u dokumentat, u wieħed jara u josserva ikunx hemm xi tibdiliet fl-istruttura li tkun ta periku jew ta ħsara.


Għal aktar tagħrif fuq l-istudju xjentifiku li sar fuq ir-Redentur tal-Isla ara l-artiklu ‘L-Istatwa ta’ Ġesu Redentur tal-Isla - Proċess ta’ konservazzjoni’ miktub minnFr Charles Vella.

0