Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

minn Patri Mario Attard OFM Cap

It-teologu Benedittin tal-liturġija, Cipriano Vagaggini, juri li b’mod sorprendenti jeżiżtu ċerti attitudnijiet fil-Knisja illum li ħawdu t-tifsira tal-Għid. L-ewwel nett teżiżti mentalità pożittiva-storika li qarrqet bina l-għaliex ġagħlitna naraw il-qawmien minn bejn l-imwiet ta’ Kristu bħala maqtugħ mill-passjoni tiegħu. Imbagħad, ħtija ta’ din il-mentalità żbaljata bdejna naraw il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu bħala maqtugħa għal kollox mill-qawmien tiegħu għall-ħajja. U, dawn it-tnejn maqtugħa mis-sagramenti. Teżiżti wkoll mentalità ġuridika li tpoġġi l-ħsieb kollu tal-qawmien mill-imwiet fir-realtà ta’ tpattija, sodisafzzjon u mertu. Ma din hemm ukoll mentalità li ħakmet il-Knisja qabel il-konċilju, u minkejja daqshekk tiġdid għadha tħuf magħna, jiġifieri ta’ spiritwaliżmu li huwa astratt u maqtugħ kompletament mill-ġisem. Din l-attitudni inkonxjament tidentifika lill-bniedem bħala ruħ biss filwaqt li tissottovaluta lill-ġisem fil-pjan sħiħ tal-fidwa.


Fl-aħħar nett, Padre Vagaggini juri metodu teoloġiku mimli b’konċeptwaliżmu astratt li jiffoka fuq essenzi astratti. Dan il-ħsieb teoloġiku jħalli barra dak li x’uħud jirreferu għalih bħala “aċċidenti mhux essenzjali”. Fil-ktieb tiegħu Theological Dimensions of the Liturgy: A General Treatise on the Theology of the Liturgy, Padre Vagaggini jikkwota teologu Tomista, bla isem, li jgħid: “Għaliex tinsisti daqshekk fuq il-qawmien ta’ Kristu? L-akbar ġrajja fl-istorja mhijiex ir-reżurezzjoni imma, jekk trid, l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Wara l-inkarnazzjoni, ir-reżurezzjoni hija biss episodju sempliċi”.


Waqt li dejjem ġie mifhum li teoloġikament l-Għid – ir-Reżurezzjoni tal-Mulej – hija l-akbar festa tal-Knisja, ingħatat aktar attenzjoni lill-Milied. Jidher li l-Milied ġie magħmul għat-tfal. Fil-fatt l-introduzzjoni tat-tifel u t-tifla għas-Salvatur tiegħu u tagħha hija għat-tarbija Ġesù f’idejn Ommu. Il-Milidijiet kien żmien mill-aqwa. Tiftakru kemm ir-radju kien idoqq kanzunetti mill-isbaħ tal-Milied minn tant żmien qabel? Għalkemm liturġikament dan m’hux korrett l-għaliex l-Avvent huwa żmien ta’ stennija u indiema dan kien iħejji lis-soċjetà għall-festa. Kien hemm il-quddiesa ta’ nofsillejl, Quddies solenni fuq it-televiżjoni. Kien hemm ir-rigali u ż-żjajjar mal-qraba fil-jum ta’ wara. Meta ġie skopert li l-Milied ma kinitx il-festa tal-festi dan ħalla xokk. Uħud ma emmnuhiex din il-verità. Madankollu din hija l-verità!


L-Iskrittura Mqaddsa hija dik li ixxandrilna din il-verità bil-qawwa tal-għaġeb tagħha ta’ Kelma ta’ Alla li hi. Fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin San Pawl jgħidilna ċar u tond li “Għax jekk il-mejtin ma jqumux, anqas Kristu ma kien imqajjem. U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom” (1 Kor 15:16-17). Fi ftit kliem dak li dan it-test qiegħed jgħid hu li li kieku ma kinitx għar-reżurezzjoni l-ħwejjeġ l-oħra kollha li Ġesù għamel u qal, inkluż it-twelid tiegħu, ma kienux se jkunu effikaċi għas-salvazzjoni tagħha. Għalhekk kollox idur mal-qawmien tiegħu minn bejn l-imwiet.

Il-Knisja tgħidilna li t-twemmin u l-liturġija huma ħaġa waħda. Fil-fatt Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, sewwasew fin-numru 1124 jgħidilna hekk: “Il-fidi tal-Knisja tiġi qabel il-fidi tan-nisrani li hu mistieden biex iħaddanha. Meta l-Knisja tiċċelebra s-sagramenti, hi tistqarr il-fidi li rċeviet mill-Appostli. Minn hawn il-qawl antik: lex orandi, lex credendi. Il-liġi tat-talb hi l-liġi tal-fidi, il-Knisja temmen kif titlob. Il-Liturġija hi element kostituttiv tat-Tradizzjoni qaddisa u ħajja.”


Dan it-tagħlim huwa muri b’qawwa kbira fil-liturġija tas-Sahra tal-Għid, speċjalment fit-talba t-twila li tissejjaħ l-Exultet. Is-Sahra tal-Għid m’hijiex sempliċiment Quddiesa filgħaxija. L-istess bħal dik li ssir fis-sahra tal-Ħadd jew ta’ jum ta’ btala. Is-Sahra tal-Għid hija iċċelebrata billejl. Din il-prattika ġiet restawrata minn Papa Piju XII fl-1951 l-għaliex hija msejsa fin-natura vera tal-ġrajjiet li tiċċelebra. L-Insara ħadu l-festa Lhudija tal-Għid li kienet tiġi iċċelebrata billejl. Din kienet tfakkar is-sahra li l-Mulej żamm fuq ulied Iżrael fl-aħħar lejl fl-Eġittu. Ir-rakkont, kif imfisser fil-Ktieb tal-Eżodu jgħidilna hekk: “Ġara li f'nofs il-lejl il-Mulej darab 'l ulied il-kbar fl-art ta' l-Eġittu, mit-tifel il-kbir tal-Fargħun bid-dritt għat-tron sal-kbir ta' l-ilsir ġewwa l-ħabs, u kull ferħ ta' l-ewwel tal-bhejjem” (Eż:12:29).

Il-festa tal-Għid kienet tirrapreżenta l-ħelsien tal-Iżraelin u kif ukoll il-bidu tal-formazzjoni tagħhom bħala Poplu ta’ Alla. Issa, permezz tar-reżurezzjoni, huma ġew iffurmati bħala l-poplu tal-Iben ta’ Alla. Din ir-reżurezzjoni hija l-festa vera tal-Għid, li fl-istess ħin hija finali u għal dejjem. In-nies li kienu fidili lejn Alla se jkunu meħlusa mill-ħażen li hu ħafna aktar agħar mill-jasar Eġizzjan, li kien jiġi fi tmiemu bil-mewt tal-ilsir. Il-ħelsien li nġib permezz tar-reżurezzjoni ħeles lill-bnedmin mill-jasar għad-dnub, li li kieku ma ġiex ikkompensat u dak li jkun ma kienx jiddispjaċih li għamlu kien se jwassal għall-jasar li kien se jtul eternità.


Fil-linja ma’ din it-tradizzjoni Israelita s-Sahra tal-Għid kienet taqsam l-azzjoni liturġika, li kienet tieħu lejl sħiħ u tispiċċa bl-Ewkaristija fiż-żernieq. Madankollu s-Sahra kienet iċ-ċelebrazzjoni ewlenija. Dan l-għaliex hija ċ-ċelebrazzjoni ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-fidwa tagħna. Dan ifisser il-lezzjonijiet, li ilkoll iduru madwar it-tema tat-tiġdid tal-ħajja. Il-lezzjonijiet jitħaddtu fuq il-ħolqien, il-fidwa ta’ Noè u l-familja tiegħu mid-dulluvju, il-ħelsien tal-Iżraelin mill-jasal, il-wegħda tat-tkattir tad-dixxendenti ta’ Abraham san-“nazzjonijiet kollha”, il-ħelsien tal-Iżraelin fil-Baħar l-Aħmar, u t-twettieq tal-wegħda ta’ Yahweh li jeħlishom fl-Art Imwiegħda.


L-aktar fattur uniku tas-Sahra tal-Għid hija l-emfażi tagħha fuq id-dawl. Il-profezzija ta’ Żakkarija titħaddet mill-jum “li jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa; u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt...” (Lq 1 :78-79). Ġesù nnifsu jgħid : “Jiena hu d-dawl tad-dinja” (Ġw 9:5). San Ġwann jemfasizza kif: “Kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux... Dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja” (Ġw 1:4-5; 9). U iżjed: “Alla hu dawl u ebda dlam ma hemm fih. Jekk ngħidu li aħna mseħbin miegħu imma nimxu fid-dlam, nkunu qegħdin nigdbu u ma nagħmlux il-verità. Iżda jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess, aħna nissieħbu flimkien, u d-demm ta' Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub” (1 Ġw 1:5-7). 

Iċ-Ċerimonja tas-Sahra tal-Għid tiftaħ bil-mixegħla tan-nar il-ġdid. Dan huwa relattivament nar kbir, imqabbad barra d-daħla ewlenija għall-knisja miċ-ċelebrant u l-ministri tiegħu, minn wieħed li jkun qiegħed iġorr il-Blandun. L-ewwel talba tas-saċerdot tfakkar lill-miġemgħa li “dan” hu l-Għid tal-Mulej, u “li nissieħbu ma’ Kristu fir-rebħ tiegħu fuq il-mewt”. Wara t-tberik tan-nar is-saċerdot jgħid: “O Alla, qaddes dan in-nar ġdid, int, li permezz ta’ Ibnek kebbist lill-fidili tiegħek in-nar iħeġġeġ bid-dija tiegħek: u agħtina li, f’din il-festa tal-Għid, aħna nitħeġġu b’xewqat qaddisa, biex b’qalb safja jseħħilna naslu fis-sema għall-festa bla tmiem fid-dawl tiegħek. Bi Kristu Sidna.” L-għaliex il-verżjoni l-aktar bikrija tas-servizz bdiet minn filgħaxija x-xemgħat kienu neċessarju. Iżda, f’dan il-każ huma mixegħla b’mod ċerermonjali u mogħtija s-simbolu ta’ Kristu bħala d-dawl il-ġdid li se jirbaħ lill-ħażen.


L-akbar ġrajja li hija ċara fil-bidu taċ-ċerimonja hija l-mixegħla tal-Blandun. Meta wieħed jagħti daqqa t’għajn lejn iċ-ċerimonja tal-Blandun tgħid lil dak li jkun li x-xemgħa hija simbolu ta’ Kristu. Hija għandha l-ittri Α u Ω li għalihom il-Mulej tagħna innifsu jirreferi fil-Ktieb tal-Apokalissi: “Jiena huwa l-Alfa u l-Omega", jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, Dak li jista' kollox” (Apk:1:8).


Hemm ħames biċċiet kbar tal-inċens fix-xemgħa li ċ-ċelebrant iwaħħal fil-blandun bil-kliem: “Bil-pjagi tiegħu qaddisa u glorjużi jħarisna u jżommna Kristu l-Mulej. Amen.” Imbagħad id-djaknu jerfa’ il-Blandun mixgħul ‘il fuq fil-knisja li tkun fid-dlam u jkanta: “Id-dawl ta’ Kristu”.

Id-djaknu jinċensa l-ktieb u l-blandun, jekk ikun qed jintuża l-inċens, u, waqt li kulħadd ikun bilwieqfa bix-xemgħat mixgħula f’idejhom, iħabbar il-Għid minn fuq l-ambone jew pulptu. Minn hemm id-djaknu jkanta l-Exultet. L-Exultet hija t-tħabbira twila imma sabiħa tal-Għid dwar l-importanza tal-qawmien ta’ Kristu. Hija tixbaħ lil Haggadah. Din kienet it-tħabbira l-kbira tal-ikla Lhudija tal-Għid. Hija tagħmel parti mill-“Ħallel il-Kbir” (Hallel minn Halleluia) li kien il-kant tas-Salm 113-118 u s-Salm 136. Dawn setgħu ġew kantati fl-Aħħar Ikla minn Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Imma l-punt fokali ta’ din l-għanja kbira m’hijiex il-ħelsien mill-jasar tal-Eġittu. Il-jasar mill-Eġittu hija tip ta’ ħelsien mill-mewt eternal tad-dnub. Hija tħabbira daqshekk importanti li l-miġegħma tqum bil-wieqfa għaliha bħalma tqum għall-Vanġelu. U d-djaknu jaqraha jew, preferrebilment ikantaha, meta mlibbes bl-abjad. L-ilbies bajdani tiegħu ifakkarna fl-anġlu li kien maġenb il-qabar. “Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; lbiesu abjad bħas-silġ” (Mt 28:3). Din l-għanja għandha żewġ aspetti partikulari. L-ewwel nett għandha għamla ta’ Vanġelu. Hija tħabbira tal-evangelium, l-aħbar it-tajba :

Jifirħu l-qtajja ta l-Anġli fis-sema!

Jifirħu l-qaddeja ta’ Alla! Ħa ddoqq

it-tromba fis salvazzjoni tagħna u tħabbar

ir-rebħa ta’ Sultan hekk kbir!


It-tieni aspett hija anaphora l-għaliex l-Exutlet hija barka u offerta tad-dawl. It-tħabbira tħabbar is-sisien tal-istorja tas-salvazzjoni. Madankollu turi tipi ta’ ġrajjiet fit-Testment il-Qadim u fl-anti-tipi tal-Għid. “Dan huwa l-lejl li fih, żmien ilu, int ħriġt lil missirijietna, ulied Israel, mill-Eġittu u għaddejthom fl-inxief mill-Baħar tal-Qasab. Dan, mela, huwa l-lejl li fih tkeċċew id-dlamijiet ta’ dnubietna permezz tal-kolonna tan-nar. Dan huwa l-lejl li fih, id-dinja kollha, min jemmen li Kristu jqaċċat kull rabta ħażina, jeħles mid-dlam ta’ dnubietu, jikseb il-grazzja u jissieħeb mal-qaddisin”.


Imbagħad it-talba toffri x-xemgħa lil Alla: “Ilqa’, mela, Missier qaddis, l-offerta solenni ta’ dan il-blandun, magħmul mix-xema’ tan-naħal; din l-offerta qed tagħmilhielek il-knisja mqaddsa, permezz tal-ministri tagħha, bħala sagrifiċċju ta’ tifħir filgħaxija.” Ix-xemgħa jeħtieġilha, it-talba tissokta, tingħaqad mad-dawl tas-sema, li jkeċċi d-dlamijiet ta’ dan il-lejl u j'Alla l-kewkba ta’ filgħodu, Kristu mqajjem mill-imwiet, jsib din ix-xemgħa dejjem mixgħula.


Aspett li jaffaxxina ta’ din it-tħabbira kbira hija s-silta li titħaddet dwar il-ħtija oriġinali. Wara li rajna kemm hu ikraħ id-dnub hija interessanti, biex ma ngħidx provokattiva li tisma’ lid-djaknu jew lis-saċerdot ikanta fl-Exultet:


Xi ħtija hienja kienet,

la darba stħaqqilha Feddej kbir bħal dan!


Imma x’inhu eżattament tgħidilna din is-sentenza? Jekk it-teorija Franġiskana li Kristu xorta waħda kien se jiġi fid-dinja anki jekk Adam ma dinibx hija korretta, id-dnub oriġinali huwa okkażjoni għal Alla biex juri sa fejn tasal imħabbtu. Kristu ta kulma kellu, sal-anqas qattra demm, biex jagħtina s-salvazzjoni ġenerali li biha kull persuna għandha d-dritt tieħu vantaġġ. Għalhekk din “il-ħtija ħienja” u “d-dnub ta’ Adam li ma setax jinħarab” jirreferu għall-fatt li l-miġja ħelliesa u fejqana ta’ Kristu fostna hija tant akbar mill-mard morali oriġinali li qiegħed jifflaġella l-umanità. Imma, b’xi mod, tista’ anki tapplika għall-vantaġġi li ġew wara l-qawmien mill-imwiet tal-Mulej li inġabru għall-ulied Adam u Eva. San Pawl kiteb: “Il-Liġi daħlet, biex kotru d-dnubiet; fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja. B'hekk, kif id-dnub saltan permezz tal-mewt, hekk issa l-grazzja ssaltan permezz tal-ġustizzja għall-ħajja ta' dejjem bis-saħħa ta' Ġesù Kristu Sidna” (Rum 5:20-21).

Għalhekk l-Exultet għandu funzjoni li jdawwal u kif ukoll li jgħallem. Din l-Għanja tal-Għid hija tifħir lil Alla innifsu. Fiha innifsha hija taqsira tal-misteru tal-fidwa tagħna sal-punt li aħna nistgħu nkunu nafuħ. Fl-Ittra tiegħu lill-Insara ta’ Efesu San Pawl jgħidilna: “Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fis-sema u kull ma hu fl-art” (Efes 1:9-10). Barra minhekk mill-kitbiet tiegħu fuq l-Exultet Dom Jerome Gassner O.S.B. jgħid li jeżiżti paralleliżmu bejn l-istruttura tal-Exultet u improperji li nkantaw nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Ir-raġuni għal dan hu li l-Exultet huwa eqdem mill-Improperji, jiġifieri l-lamentazzjonijiet ta’ Ġesù Kristu lill-poplu tiegħu. Fl-Exultet jeżiżtu tlett ġrajjiet ewlenin tal-istorja tas-salvazzjoni meta mqabbla mal-anti-tipi. L-ewwel ġrajja hija Kristu bħala l-ħaruf tassew. It-tieni ġrajja hija l-qsim mill-Baħar l-Aħmar. It-tielet ġrajja hija l-kolonna tan-nar. Fl-improperji hemm ħafna iżjed:

Jiena ħriġtek mill-Eġittu; kont jien li salvajtek; għalhekk ridt issallabni?

X’għamiltlek, poplu tiegħi? Fiex qatt nikkittek? Għidli!


Kont miegħek erbgħin sena biex mid-deżert għaddejtek, il-manna tajtek b’ikel,

daħħaltek f’art għammiela; kont jiena li salvajtek; Għalhekk ridt issallabni?


Qatt kont teħtieġ xi ħaġa u jien ċaħħadtek minnha? Ħawwiltek bħala dielja

magħżula u sbejħa tiegħi; int tajtni l-ħall fil-għatx tiegħi; kont jien li salvatek;

għalhekk ftaħt ġenbi b’lanza?


Jiena ħriġtek mill-Eġittu, u lill-Fargħun għarraqtu għalik fil-Baħar Aħmar; iżd’int

mort tittradini mal-kbar tas-saċerdoti, u tlaqtni taħt idejhom.


Għalik jien fraqt il-baħar: iżd’int lili għoġbok tifaħli ġenbi b’lanza.


Jiena f’sura ta’ kolonna ta’ sħab imxejt quddiemek: int ħadtni għandi Pilatu.


Jiena f’sura ta’ kolonna għal dan int ħallastni bis-swat, b’daqqiet ta’ ħarta.


Salvajtlek ħajtek meta minn blata samma sqejtek: int b’ħall u mrar sqejt lili.


Jien lilek tajtek xettru ta’ saltna kollha glorja: int f’rasi x-xewk libbistni.


‘Il fuq, ‘il fuq għollejtek bl-egħġubijiet kbar tiegħi: int ma’ Salib dendiltni.

Jingħad li l-istorja ta’ Iżrael tirrifletti l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-Mulej għamel tant miegħi u miegħek. Kif se jirnexxilna qatt insemmu kollox, ħaġa b’ħaġa, dak li għamel għalina? Iżda, b’xorti ħażina, aħna, bħala bnedmin, kemm ittradejnieh! U, li kieku kellna inniżlu d-dnubiet li ilkoll wettaqna s’issa l-ħin li għandna f’idejna ma jkunx biżżejjed! Fl-Improperji nistgħu nagħmlu r-rabta bejn l-infedeltà ta’ Iżrael u l-ingratitudni tagħna. Kull wieħed u waħda minna huwa u hija responsabbli għal dak kollu li Ġesù għadda minnu fil-passjoni tiegħu. L-istess bħalma l-poeżija tal-Improperji turi b’tant sbuħija u qawwa. Madankollu fl-Exultet, il-Knisja turina kif Alla dawwar il-ħwejjeġ qarsa li għamilnielu favurina. Meta nistqarru dnubietna jiġrilna li qisu qatt m’għamilniehom. Fl-Exultet, dak li l-infedeltà tagħna għamlet lis-Salvatur huma minsija. Mill-mod kif inhu miktub u kantat l-Exultet kien tant kbir li seħħlu jaħkem il-passat. Mingħajr dubju dan ifakkar il-magħrufa profezzija tal-profeta Eżekjel:

Ma jitniġġsux aktar bl-allat foloz u l-ħwejjeġ moqżieża tagħhom, u b'ebda dnub

ieħor minn tagħhom. Jien għad insalvahom mid-dnubiet li firduhom minni, jiena nsaffihom;

u huma jkunu għalija l-poplu tiegħi, u jiena nkun għalihom Alla tagħhom.

"Il-qaddej tiegħi David ikun is-sultan tagħhom, u huma lkoll ikollhom ragħaj wieħed fuq kulħadd.

Huma jimxu fuq il-preċetti tiegħi, u jħarsu l-liġijiet tiegħi u jżommuhom.

U jgħammru fl-art li jien kont tajt lill-qaddej tiegħi Ġakobb,

l-art li fiha għammru missirijiethom; jgħammru fiha huma u wliedhom u wlied uliedhom għal dejjem.

U l-qaddej tiegħi David ikun il-prinċep fuqhom għal dejjem.

Nagħmel magħhom patt ta' sliem, ikun patt magħhom għal dejjem;

nwettaqhom u nkattarhom, u nqiegħed fosthom għal dejjem is-santwarju tiegħi.

Fosthom tkun l-għamara tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi (Eżek 37:23-27). 

L-awtur Benedittin Adrien Nocent (1913-1996), li kien professor fil-Pontifiċju Atheneum ta’ San Anselmu f’Ruma, wera li s-Sahra tal-Għid li għandna illum għaddiet minn żvilupp sħiħ. Fil-fatt dan il-liturġista kbir fil-ktieb tiegħu The Liturgical Year: the Easter Season, jgħid li t-trattat bikri tat-tielet seklu li jitħaddet fuq il-prattika liturġika u l-organizzazzjoni tal-Knisja, id-Didascalia Apostolorum, turi li kien hemm is-sahra li fiha kienet tħaddan is-sawm u s-servizz tat-talb li kien isib il-milja tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. L-Exultet jibda’ jidher fix-xena mar-raba’ seklu waqt li l-formula tat-tberik tan-nar ġdid ma tidhirx qabel t-tnax-il seklu.


Li hu żgur hu li s-sahra tal-Għid mgħammra bl-għanja tal-Exultet, liema għanja hija sabiħa u kollha tagħlim, żgur li hija progress kbir fuq iċ-ċelebrazzjoni bikrija tal-Għid. Hija tabilħaqq turi li l-Ispirtu s-Santu jaħdem kontinwament fil-Knisja tiegħu biex jirrivela aktar u aktar “l-għana ta' Kristu, għana li ebda moħħ ma jista' jifhmu” (Efes 3:8). Jalla Kristu u l-għana tiegħu kollu, jkunu d-Dawl tagħna f’dan il-Għid sabiex nagħrfu triqtna, f’din id-dinja li tgħaddi, sakemm naslu għall-Festa l-kbira tas-Sema pajjiżna!


Patri Mario Attard OFM Cap

0