Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Vari tal-Irxoxt - It-Tieni Parti

Raħal Ġdid

Kif naraw f’sezzjoni oħra ta’ dan is-sit, il-kult lejn il-Passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu f’Raħal Ġdid ħa spinta ‘l quddiem wara t-tieni gwerra dinjija anki bil-ħeġġa ta’ xi nies li kienu ġew joqogħdu f’din il-Parroċċa mill-Kottonera. Fost dawn, insibu lil ċertu Mikiel Buontempo, Bormliż li fl-1945 ħallas għal vara tar-Redentur li ssawret mir-raġel tat-tifla tiegħu Antonio Farrugia. Ftit snin wara, Buontempo qabbad lill-istess statwarju biex jaħdem il-vara ta’ l-Irxoxt li madankollu ma ġietx aċċettata mill-Arċipriet ta’ din il-Parroċċa u spiċċat ingħatat lill-Kappillan tal-Gżira biex titgawda mill-Gżirjani. Kien fl-1973 meta l-istess Antonio Farrugia tqabbad jagħmel vara oħra ta’ l-Irxoxt għall-Parroċċa Kristu Re ta’ Raħal Ġdid. Kienet vara fuq stil tradizzjonali bil-figura ta’ Kristu b’mant aħmar u abjad tidher tinqata’ trionfalment mil-qabar iżomm f’idejh ix-xellugija l-bandiera ta’ l-Ordni. Fl-Ewwel snin tas-seklu wieħed u għoxrin ġiet ordnata vara ġdida, xogħol mil-isbaħ tal-kartapesta ta’ l-artist Michael Camilleri Cauchi.

Il-figura dinamika ta’ Kristu hija immpresjonanti b’liżar abjad indurat bid-deheb marbut mal-blata tonda li għalqet il-qabar ta’ Kristu għal żewġt iljieli. F’idejh qed iżomm il-palma tal-fidda, simbolu tar-rebħa fuq il-mewt. Il-Puċissjoni tal-Għid f’din il-lokalita toħroġ mill-knisja Arċipretali l-Ħadd filgħodu fost id-daqq ferrieħi tal-qniepen u t-tixjir tal-palm mil-miġemgħa. Jieħdu sehem kotra kbira ta’ rġiel libsien ta’ suldati Rumani waqt li s-Soċjeta’ Filarmonika De Paule Banda Kristu Re tferraħ lin-nies bid-daqq tal-marċi.

Il-Gżira

Il-Gżira hija ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu u saret Parroċċa fl-1921. Tinsab f’żona f’Malta fejn ma nistgħux ngħidu li l-kult lejn il-Ġimgħa Mqaddsa huwa wieħed qawwi. Madankollu, dan ir-raħal huwa wieħed mill-ftit Parroċċi fejn minkejja li ma toħroġx il-Purċissjoni tal-Passjoni fih, irnexxielu jagħmel vara ta’ Kristu Rxoxt u jorganizza l-Purċissjoni f’Ħadd il-Għid. Dan kollu tista’ tgħid beda b’kumbinazzjoni u b’rikonoxximent lejn ċertu familja Buontempo li l-oriġini tagħha hija min Bormla għalkemm marret toqgħod Raħal Ġdid fi żmien it-tieni gwerra dinjija. Ġara li Amadeo Buontempo ikkummissjona lil Antonio Farrugia biex jaħdem vara tal-Irxoxt għall-Knisja Parrokjali ta’ Raħal Ġdid mingħajr ma ħaseb biex l-ewwel jakkwista l-permess tal-Kappillan. Il-Vara tlestiet imma ma ġietx milqugħa mill-kappillan ta’ Raħal Ġdid u spiċċat ntlaqat bil-ferħ mill-Kappillan tal-Gżira fejn kien jgħix Ġużi Buontempo li jiġi ħu Amadeo. Grazzi għal dan, fil-Gżira nżeret iż-żerriegħa ta’ dan il-kult ġdid u bdiet tiġi organiżżata l-Purċissjoni tal-Irxoxt, nhar Ħadd il-Għid filgħodu. Sfortunatament, bi żmien jidher li dan il-kult ħa daqqa lura u għal ħafna snin, il-Purċissjoni twaqqfet għalkemm il-vara xorta kienet tintrama fil-festa għall-ġranet sbieħ tal-Għid. Fil-bidu tat-tmenijiet tas-seklu l-ieħor, xi dilettanti Gżirjani twebblu biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lil din il-Purċissjoni.


Peress li l-vara ta’ Farrugia kellha bżonn ħafna manutenzjoni, ġie deċiż li tiġi ordnata vara ġdida għand Alfred Camilleri Cauchi li kien diġa’ qed jagħmel isem bix-xogħol artistiku tiegħu. Din saret fl-1984 fuq stil modern. Il-figura ta’ Kristu mgeżwer b’liżar kbir abjad tidher mxaqilba lejn ix-xellug, maqtugħa mill-art. F’idejh, Kristu rebbieħ qed iżomm bandiera bajda b’salib aħmar fuqha. 

Il-Baħrija

Dan ir-raħal li jagħmel parti mill-Parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat għandu biex jiftaħar għax minbarra li għandu vara tal-Irxoxt jorganizza purċissjoni unika li toħroġ Sibt il-Għid fil-għaxija wara l-funzjoni fil-knisja. Din ilha ssir mill-1987 meta żżanżnet il-vara espressiva ta’ Alfred Camilleri Cauchi. Din il-vara saret fuq stil modern fejn Kristu rebbieħ jidher maqtugħ mill-art qed ibierek lil min iħares lejh bil-movimenti ta’ idejh it-tnejn. Għal dan il-għan Kristu la qed iżomm palma u lanqas bandiera. Bħal ħafna vari oħra ta’ l-istess awtur, ma narawx il-qabar imma tidher il-blata tonda wara l-figura ta’ Kristu. 

San Ġorġ - Belt Victoria

Il-Parroċċa Ġorġjana tal-Belt Vittorja kienet pijuniera biex tintroduċi il-kult u d-devozzjoni lejn il-Passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu’ Kristu fil-gżira tat-tliet għoljiet. Fil-fatt, l-ewwel vara tal-Irxoxt li bdiet tintrama għall-Għid fil-Bażilika ta’ din il-Parroċċa għandha ‘l fuq minn mitejn sena għalkemm ma nafux min hu l-awtur tagħha. Li hu żgur hu li matul is-snin sar diversi restawr u tibdil fiha fosthom min Wistin Camilleri u ibnu Michael Camilleri Cauchi. Bħal vara tal-Isla, din hi magħmula minn taħlita ta’ njam u kartapesta. Mill-Qadd ‘l isfel għandha bażi soda tal-injam filwaqt li ‘l fuq hija magħmula mill-kartapesta. Jekk dan sar biex ikun eħfef għar-reffiegħa biex jiġru bil-vara, allura tinħoloq kurżita’ għax ma għandnix ħjiel li fl-antik din il-vara kienet toħroġ proċessjonalment. Fil-fatt l-awtur Brian Bonnici fil-ktieb tiegħu Dell is-Salib fil-Gżejjer Maltin jagħtina x’nifhmu li l-puċissjoni tal-Għid ġiet organizzata għall-ewwel darba fl-1985. Għal dik l-okkażżjoni, taħt il-figura ta’ Kristu kien miżjud pedistall li jirrappreżenta il-qabar filwaqt li fl-erbgħa kantunieri iżżejjen b’vażetti bil-fjuri tal-ganutell.


Il-Vara l-ġdida saret fl-1997 minn Alfred Camilleri Cauchi filwaqt li l-antika sabet postha fis-sagristija tal-Bażilika. L-Irxoxt il-ġdid huwa opra tal-arti skolpit fl-injam ‘tiama’. Bħal vara ta’ qabel, Kristu jidher iserraħ fuq qabar u f’idejh ix-xellugija qed iżomm il-palma, simbolu tar-rebħa fuq il-mewt. Kemm il-qabar kif ukoll il-palma huma miksija bil-fidda.


Id-Dimostrazzjoni b’din il-vara ssir Ħadd il-Għid fil-għodu u tkun akkumpanjata mill-Fratellanżi tal-Parroċċa u mill-banda Cittadina La Stella li tferraħ il-miġemgħa bil-marċi brijużi.

Katidral - Belt Victoria

Il-belt kapitali Għawdxija - Victoria toffri żewġ purċissjonijiet tradizzjonali bl-istatwa ta' Kristu Rxoxt. Minbarra l-purċissjoni li toħroġ mill-Bażilika ta' San Ġorġ, toħroġ oħra mill-Katidral t'Għawdex li jinsab fiċ-Ċittadella. Il-Vara moderna li takkumpanja din il-purċissjoni inħaddmet minn Michael Camilleri Cauchi. Għall-kuntrarju ta’ ħafna mill-vari tradizzjonali, Kristu jidher ibierek lill-poplu mill-għoli b’raġġiera kbira warajh u bi sħaba taħtu. La naraw il-qabar u lanqas il-blata li tgħattih. Il-purċissjoni tkun akkumpannjata mill-Banda Leone u toħroġ eżatt wara li tidħol lura dik tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ.

In-Nadur

Bla ebda dubju wieħed mill-Irxoxtijiet l-aktar movimentati u li jitbiegħed mit-tradizzjonali huwa dak li nsibu fin-Nadur. Dan inħadem fl-1984 fin-Nadur stess fejn jgħix u jaħdem Michael Camilleri Cauchi. Hawnhekk tidher il-bravura artistika ta’ Michael Camilleri Cauchi li fil-figura ta’ Kristu irnexxielu joħroġ il-karatteristiċi kollha tat-tifsira qawwija tar-Reżurezzjoni. Il-moviment uniku ta’ Kristu jirrifletti il-kobor ta’ dan il-miraklu li hu l-fulkru tal-fidi kollha tagħna. Il-figura ta’ Kristu hija msaħħa biss bil-liżar li qed idawwru. F’id il-leminija ta’ Kristu jidhru żewġ simboli f’daqqa, is-salib li jfakkarna fil-martirju li kien sofra jumejn biss qabel u l-palma bħala sinjal tar-rebħa fuq il-mewt.


Il-Purċissjoni tal-Irxoxt fin-Nadur toħroġ mil-Bażilika Ħadd il-Għid fil-għodu u tieħu sehem il-Banda Mnarja.

Ix-Xagħra

Dan ir-raħal pittoresk Għawdxi minn dejjem kien jgħożż id-devożżjoni lejn il-Ġimgħa Mqaddsa u għalhekk ma setax jonqos li f’xi zmien iħoss il-ħtieġa li jiċċelebra wkoll il-kult tar-Reżurezzjoni. Mdankollu, bħal kumplament ta’ Malta u Għawdex (aqta’ xi lokalitajiet) kien pjuttost reċenti li bdiet tiġi organiżżata l-purċissjoni tal-Għid. Fl-1977, bit-tħabbrik tal-Arċipriet Mons Eucaristico Sultana ġie kkummissjonat l-istatwatju Michael Camilleri Cauchi biex jaħdem il-vara ta’ Kristu Rxoxt. Ftit jiem qabel l-Għid ta’ dik is-sena, il-poplu tax-Xagħra laqa’ bil-ferħ il-wasla ta’ din l-istatwa artistika li tagħti xiehda tal-glorja ta’ Sidna Ġesu Kristu rebbieħ fuq il-mewt. Hija vara fuq stil modern, b’movimenti vibranti, bil-figura ta’ Kristu mibnija mal-liżar li jservi bħala qafas. Tidher ukoll il-ħila tal-artist li qabbel il-wiċċ ta’ Kristu ma’ dak tal-vari ta’ Lecce. Fl-2003, l-istatwa irritornat fl-isdujo ta’ Michael Camilleri Cauchi biex isirilha restawr għal xi ħsarat li sofriet. Saret ukoll l-induratura ta’ l-ilbies minn ħu l-artist, l-induratur Mario Camilleri Cauchi u ibnu Reuben.


Il-Manifestazzjoni ta’ Kristu Rxoxt fix-Xagħra ssir Ħadd il-Għid fil-għaxija bis-sehem tal-Banda Victory li takkumpanja b’marċi ferrieħa.

Il-Qala

Fil-Qala, id-devozzjoni lejn il-Passjoni ta’ Kristu qiegħda kull ma jmur tissaħħaħ anki bl-għajnuna ta’ vari ġodda li saru jew inġiebu minn barra fl-aħħar snin. Għalhekk il-Qalin tħajjru bħal ħafna rħula oħra biex jibdew jiċċelebraw bil-kbir l-Għid tal-Mulej billi fl-1994 qabbdu lill-istatwarju Għawdxi Michael Camilleri Cauchi biex isawrilhom l-istatwa tal-Irxoxt. Din il-vara ssegwi l-istil u d-dinamiżmu li tidher f’Irxoxtijiet oħrajn tal-istess statwarju. Kristu setgħani mgeżwer f’liżar kbir abjad jidher maqtugħ mil-art b’ħarstu lejn is-sema. B’Kuntrast ma vari oħra Kristu ma jidher iżomm xejn f’idejh. Id-Dimostrazzjoni bi Kristu Rxoxt fil-Qala issir Ħadd il-Għid fil-għaxija bil-parteċipazzjoni tal-Banda tar-Raħal Ite ad Joseph. Fil-Qala hemm id-drawwa sabiħa li kif il-vara tirritorna lura fuq iz-zuntier, isir it-tberik u t-tqassim tal-figolli lit-tfal tar-raħal.

Iż-Żebbuġ

B’Popolazzjoni ta’ 2000 ruħ, dan ir-raħal irnexxielu jrawwem il-kult u d-devozzjoni kemm lejn il-passjoni u l-mewt tal-Mulej Ġesu’ kif ukoll lejn il-qawmien glorjuż tiegħu mil-mewt. Fil-Fatt, kif tlesta s-set tal-passjoni bl-aħħar Ċena ta’ Wistin Camilleri fl-1968, iż-Żebbuġin mil-ewwel tħajjru biex jibdew jiċċelebraw ir-Reżurezzjoni tas-Sinjur tagħna. Sal-1988, il-figura ta’ Kristu fiċ-ċena li hi manikkin bdiet tiġi trasformata f’waħda ta’ Kristu Rxoxt billi jitlibbes ħwejjeġ differenti u l-kalċi f’idu x-xellugija jinbidel ma bandalora. Dan l-Irxoxt kien jintrama fuq l-altar maġġur għall-vġili tal-Għid. Fl-1989, ġiet ordnata vara ġdida tal-kartapesta għand l-istatwarju Pawlu Aquilina li bdiet toħroġ fid-dimostrazzjoni ta’ Ħadd il-Għid fil-għodu. Hija vara artistika u movimentata fejn Kristu jidher ibierek lin-nies ta’ taħtu waqt li qed jittajjar ‘il fuq. L-Istil modern ta’ din l-istatwa jidher ukoll fil-fatt li Kristu m’hu qed iżomm l-ebda bandalora jew simbolu ieħor f’idejh. Ta’ min jgħid li f’dan ir-raħal hemm it-tradizzjoni li l-vara u l-altar maġġur tal-knisja jiżżejnu b’ħafna fjuri friski li jagħtu dehra mil-isbaħ.


Il-Banda Santa Marija ta’ l-istess raħal takkumpanja l-manifestazzjoni ta’ Kristu Rxoxt bil-marċi ferrieħa filwaqt li ż-Żebbuġin jilqgħu l-Irxoxt bit-tixjir tal-weraq tal-Palm li jissimbolizzaw ir-rebħa fuq ta’ Kristu fuq il-mewt.   

Ix-Xewkija


Il-Vara ta’ dan ir-raħal hija waħda mil-aktar riċenti ta’ Alfred Camilleri Cauchi u ħarrġet l-ewwel darba proċessjonalment f’Ħadd il-Għid tal-2009. B’Kuntrast ma’ ħafna mill-vari ta’ dan il-misteru, naraw hawnhekk xena bi tliet figuri bi Kristu akkumpanjat min anġlu fuq il-lemin u suldat Ruman fuq ix-xellug. Għalkemm imsawwra fuq stil modern, il-figura ta’ Kristu għandha anqas moviment minn dak li imdorrijin naraw min dan l-artista. Kristu jidher maqtugħ ‘il fuq mil-karattri l-oħra, b’ċertu serenita’, donnu qed ibierek li min qed iħares lejh. Minn naħa l-oħra, is-suldat jidher mifxul u mbeżża b’din ix-xena li qatt ma basar li jara. L-Anġlu jidher qed iwarrab minn nofs il-blata li kienet qed tagħlaq il-qabar. Fl-2009 ukoll, ix-Xewkin ħasbu biex tinħadem niċċa ġdida fis-sagristija tar-Rotunda sabiex din il-vara tkun tista titgawda matul is-sena kollha.


Il-Purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt fix-Xewkija toħroġ f’Ħadd il-Għid fil-għodu akkumpanjata mil-kleru u numru ta’ tfal ixejjru l-weraq tal-palm. Il-Banda Prekursur tferraħ lill-miġemgħa bil-marċi brijużi.

0