Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Mill-Ġetsemani sal-Golgota

L-Inħawi tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu minn lenti storika - Kitba ta' Marco Saliba

Ġerusalem, il-belt fejn mal-elfejn sena ilu seħħet l-aktar eżekuzzjoni magħrufa fl-istorja. Il-post fejn seħħ it-tmiem u l-bidu ta’ kollox, fejn skont Qajfa kien jaqbel li jmut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu (Ġw 11:50).


Imma sewwa sew, fejn ġara dan kollu? Hemm diversi raġunijiet li jagħmlu dan l-istħarriġ diffiċli, ewlenija fosthom l-assedju li sofriet Ġerusalemm fis-sena 70 W.K. F’Dan l-assedju brutali, il-leġjuni Rumani qerdu l-Belt għal kollox, b’ħafna mit-taqbid l-aktar qalil ikkonċentrat fl-inħawi tal-kalvarju ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Il-Belt inbniet mill-ġdid mill-imperatur Hadrian fit-tieni seklu W.Q. iżda matul l-aħħar elfejn sena, Ġerusalemm sfat assaltata mill-Persjani, l-Misilmin u l-Insara b’ħafna mis-siti sagri jinqerdu u jinbnew mill-ġdid. Ma naqsux it-terremoti u d-diżastri naturali li rat din il-belt biex ikomplu jagħmluha diffiċli ssib traċċi marbuta ma’ din l-akbar ġrajja.

Iċ-Ċenaklu

Ma nsiebu mkien fl-Iskrittura min kien sid id-dar li fiha kien hemm l-għorfa fejn ġiet iċċelebrata l-ikla tal-Għid. Madankollu, jidher li dan kien wieħed mid-dixxipli għax meta Kristu bagħat lil Pietru u Ġwanni biex iħejju l-ikla qalilhom biex jgħidulu “Qallek l-imgħallem....” (Mt26:18). Hemm min jgħid li seta’ kien Nikodemu jew Ġużeppi ta’ Arimateja jew saħansitra omm San Mark. Din l-għorfa mdaqqsa li kienet tinsab fis-sular ta’ fuq (Atti 1:13) kienet armata bħala kamra tal-pranzu ta’ dawk iż-żminijiet. Jidher li minn din l-aħħar ikla tal-Mulej ‘il quddiem, din l-għorfa baqgħet popolari mal-appostli tant li kif jingħad, dan kien il-lok fejn Kristu wera ruħu lill-appostli mal-qawmien tiegħu mill-imwiet, fejn l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli, u fejn kienet is-sede tal-appostli fiż-żmien bikri tal-knisja.

Dan iċ-ċenaklu jinsab fuq l-għolja Sion lejn in-nofsinhar tal-ħitan tal-belt. Sas-Seklu ħamsa, dan il-post serva bħala l-unika knisja f’Ġerusalemm tant li kienet magħrufa bħala Omm il-Knejjes Kollha. Fir-Raba’ seklu, mat-tmiem il-persekuzzjonijiet kontra l-insara, inbniet knisja Biżantina li messitha x-xorti ħażina li tinqered bin-nar darbtejn, fis-sena 614 W.K., matul l-assedju Persjan, u għal darb’oħra fis-sena 965 W.K .


Iċ-Ċenaklu li nsibu llum inbena mill-kruċjati fis-seklu tnax bħala qasam mill-knisja ta’ Santa Marija ta’ Sion. Sakemm baqgħet fil-kontroll tal-Kristjani, din il-knisja kienet waħda mil-ġawhar ta’ Ġerusalemm iżda b’xorti ħażina reġgħet iġġarrfet mat-telfa tal-kruċjati.


Fis-seklu erbatax reġgħet ingħatat il-ħajja mill-patrijiet Franġiskani li kienu waqqfu l-ewwel kunvent tagħhom hemmhekk. Baqgħet fil-kura tagħhom sal-1552 meta l-Ottomani bidlu din il-kamra f’moskea kif baqgħet sal-lum il-ġurnata. Eżatt taħt din il-kamra jiġifieri fis-sular t’isfel insibu dak li hu maħsub li huwa l-qabar tar-Re David, post meqjum b’tant devozzjoni kemm mill-Lhud kif ukoll mill-Musulmani.

Lejn il-Ġetsemani

Skont l-evanġelji, kif intemmet l-ikla, Ġesu flimkien mad-dixxipli tiegħu irħewlha lejn wied Qedron biex waslu fil-ġnien magħruf bħala l-Ġetsemani li jinsab lejn il-Grigal ta’ Ġerusalemm. Kemm fi żmien Kristu kif ukoll illum, Wied Qedron jintuża bħala ċimiterju u kienu jindifnu fih il-Lhud devoti kemm minħabba d-distanza qasira li hemm bejnu u t-tempju kif ukoll minħabba x-xebħ li raw bejnu u l-wied Josafat li skont il-Profeta Joel huwa s-sit fejn għandu jseħħ il-gudizzju universali tal-ġnus (JL 4,2).


Il-Ġetsemani jinsab fil-baxx ta’ l-Għolja taż-Żebbuġ li ħadet isimha mill-ammont kbir ta’ siġar taż-żebbuġ li kien hemm imkabbra fuqha. Dawn l-inħawi ma kienux estrani għall-Mulej Ġesu’ kif jixhed l-evanġelista Ġwanni “Kien jafu dan il-post Ġuda........għax sikwit kien Ġesu’ jinġabar hemm flimkien mad-dixxipli tiegħu” (Ġw 18:2). Mattew jgħidilna wkoll li Ġesu għallem lid-dixxipli tiegħu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ (Mt 24, 1-26) u daħal Ġerusalemm fuq il-ħmara minn dawn l-inħawi (Mt 21, 1-9).

Skont tradizzjoni antika ħafna, Kristu ġie ttradut minn Ġuda u maqbud fil-lok magħruf bħala L-Grotta tal-Ġetsemani. Huwa l-istess post fejn Kristu ħalla d-dixxipli tiegħu qabel ma’ rtira biex jitlob. Illum il-ġurnata, f’din il-grotta hemm imwaqqfa tliet altari, fuq l-altar maġġur hemm pittura ta’ Kristu jitlob fost l-appostli filwaqt li fuq l-altari l-oħra hemm rappreżentazzjonijiet tal-Assunzjoni tal-Madonna u tal-bewsa ta’ Ġuda.


Biswit din il-grotta, wieħed isib il-Bażilika tal-Agunija jew kif inhi magħrufa ukoll il-Knisja tan-Nazzjonijiet kollha. Din il-knisja inbniet bejn l-1919 u l-1924 fuq pjanti tal-arkitett Taljan Antonio Barluzzi. Madankollu, sa mir-raba’ seklu, f’dan is-sit kien hemm knisja Biżantina li reġgħet inbniet mill-ġdid fi żmien il-kruċjati. Quddiem l-altar maġġur, hemm biċċa blata mdaqqsa li jingħad li kienet l-istess waħda li Kristu talab fuqha fil-lejl ta’ qabel il-passjoni. Din il-blata ġiet imdawwra b’kuruna tax-xewk maħduma bil-ferrobattut.

Għal għand Qajfa

Ittradut min Ġuda u maqbud mis-suldati Lhud, Ġesu’ ittieħed lura fil-Belt ta’ Ġerusalemm lejn il-qasam ta’ l-Għolja Sion li diġa’ semmejna aktar ‘il fuq.


F’Dawn l-inħawi kienu jgħammru l-aktar Lhud influwenti fi żmien Kristu fosthom Qajfa li kien il-Qassis il-Kbir u Anna li kien jiġi missier il-mara ta’ Qajfa, li skont l-evaġelisti, Kristu ittieħed quddiemhom.


Fir-Raba’ seklu, ġiet skavata f’dawn il-viċinanzi, dik li hi maħsuba li kienet id-dar ta’ Qajfa. Fis-seklu erbatax, f’dan il-post inbnew kunvent u knisja Armena magħrufa bħala San Salvatur.

Il-Pretorju

Skont l-iskrittura, l-għada kmieni fil-għodu, Ġesu’ ittieħed quddiem Ponzju Pilatu. Imma fejn? L-Evanġelji mhumiex speċifiċi f’dan is-sens u sfortunatament it-tradizzjoni u s-sens komun jippuntaw lejn inħawi differenti.


L-Għassa tas-suldati Rumani kienet tkun ikkonċentrata madwar it-tempju u allura s-sens komun jgħidlek li ma setax ikun hemm post aħjar fejn joqgħod Pilatu mill-fortizza Antonia. Barra min hekk, it-teżi li l-pretorju, kif jissemma fl-evanġelji, qiegħed f’din il-fortizza hija msaħħa b’sejbiet arkejoloġiċi. Dan is-sit huwa msemmi ukoll f’diversi kitbiet ta’ pellegrini sa mir-raba’ u l-ħames sekli.


Minkejja dan kollu, xorta għad hawn ħafna esperti li huma tal-fehma li l-għażla tal-fortizza Antonia hija mibnija fuq premessi ħżiena u bl-għarfien aħjar tat-topografija tal-belt u tal-istorja ta’ Ġerusalemm fl-ewwel seklu, għadhom isostnu li l-palazz ta’ fuq l-għolja kien il-post fejn Pilatu qata’ l-kundanna ta’ Ġesu’. 

Ftit hemm dubju li fil-mawriet tiegħu f’Ġerusalemm, Pilatu kien joqgħod f’wieħed miż-żewġ palazzi li kien bena Erodi. L-Ewwel min dawn il-palazzi jinsab fuq għolja strateġika lejn il-Lbiċ tal-belt u nbena fis-sena 24 Q.K.


Iżda Erodi kellu palazz ieħor, din id-darba lejn in-naħa t’isfel tal-belt, eżatt maġenb il-pont li jgħaqqad in-naħa għolja tal-belt mat-tempju. Biex jipproteġi dan il-palazz u t-tempju, Erodi bena fil-qrib il-fortizza Antonia. F’Każ ta’ xi rewwixta mill-poplu, it-tempju kien aċċessibli mill-fortizza Antonia biss. Pilatu kien jiġi Ġerusalemm speċifikament biex jara li ma jinqala’ l-ebda nkwiet matul il-ġranet tal-Għid tal-Lhud.

It-Triq tas-salib

It-Triq tas-Salib jew Via Dolorosa tibda eżattament mis-sit fejn kien hemm il-fortizza Antonia fil-Lvant ta’ Ġerusalemm l-antika u tispiċċa fil-post tat-tislib, il-Golgota, fejn illum hemm il-knisja tas-Santu Sepulkru . Id-Devozzjoni lejn l-istazzjonijiet tas-Salib hija antika ħafna u skont l-istoriċi, din taf il-bidu tagħha malli l-Kristjaneżmu saret ir-Reliġjon uffiċċjali tal-imperu Ruman fi żmien Kostantinu. Pellegrini Biżantini bdew joħorġu f’purċissjoni nhar Ħamis ix-Xirka li kienet tibda mill-inħawi tal-Ġetsemani, fil-Lvant ta’ Ġerusalemm u timxi lejn il-Punent preċiżament lejn il-Knisja tas-Santu Sepulkru. Matul is-sekli, it-triq inbiddlet diversi drabi kif inbidel ukoll in-numru ta’ stazzjonijiet. Il-Franġiskani, li stabilixxew ruħhom f’Ġerusalemm lejn tmiem is-seklu tnax, kienu strumentali biex isaħħu din it-tradizzjoni u bdew jiggwidaw lill-Pellegrini matul it-triq tal-kalvarju b’waqfiet (jew stazzjonijiet) biex ifakkru l-episodji differenti tal-Passjoni. Kien biss fis-seklu tmintax, li din it-triq ħadet l-isem ta’ Via Dolorosa u interessanti ngħidu li t-triq segwita llum li hija twila 500 metru, hija l-istess waħda li kienu jagħmlu l-pellegrini Biżantini fi żmien bikri ħafna.

Kull wieħed mill-erbatax ‘il istazzjon huwa mmarkat bi plakka żgħira ma ħajt ta’ xi bini storiku. Għalkemm m’hemmx bażi storika kemm għal xi wħud mill-istazzjonijiet tas-salib (bħal dak tal-Veronika bħal eżempju) kif ukoll għas-sit fejn jingħad li seħħew, xorta jibqa’ l-fatt li kull episodju jgħinna nirriflettu fuq it-tbatija ħarxa li għadda minna il-Mulej Ġesu’. Tul it-triq, wieħed jgħaddi fost l-oħrajn, minn ħdejn il-monasteru Franġiskan tal-Flaġellazzjoni, il-Kappella tal-Ġudizzju/Kundanna li timmarka s-sit fejn Kristu kien ikkundannat għall-mewt, il-Kappella tal-Flaġellazzjoni li tfakkarna fit-torturi li sofra Kristu taħt is-suldati Rumani, l-arkata tal-Ecce Homo li tirrappreżenta l-post fejn Pilatu lissen il-kliem ‘Arawh, hawn hu l-bniedem’.

Din l-arkata hija parti minn bieb mibni mill-imperatur Hadrian imma li ingħata dan l-isem fis-seklu sittax. Imbagħad wieħed jiltaqa’ ma’ kappella Pollakka li fuq il-bieb tagħha hemm skultura li tirrappreżenta l-ewwel waqgħa ta’ Kristu taħt it-toqol tas-salib. Ir-Raba’ stazzjon jiġifieri l-laqgħa ta’ Kristu m’ommu Marija jiġi mfakkar fi Knisja Armena ddedikata lil Sidtna Marija tal-Ispażmu. L-Episodju tal-Veronica li nibet bħala tradizzjoni fis-seklu erbatax jitfakkar permezz ta’ kappella tar-rit Kattoliku Grieg li ġġib l-isem ‘Il-Wiċċ Qaddis’. Din il-kappella kienet irrestawrata minn Barluzzi fl-1953 u tifforma parti mill-monasteru ta’ San Kosmu. It-Tieni waqgħa ta’ Kristu titfakkar permezz ta’ kappella Franġiskana filwaqt li salib u skrizzjoni Griega mal-ħajt tal-monasteru Ortodoss ta’ San Charalambos’ ifakkarna fi kliem Kristu lin-niesa ta’ Ġerusalemm. Qrib il-Knisja tas-Santu Sepulkru, 28 tarġa iwassluk għal Patrijarkat Koptiku fejn kolonna Rumana tfakkar it-tielet waqgħa ta’ Kristu.

Il-Golgota

Il-Via Dolorosa twasslek fejn seħħ l-akbar avveniment fl-istorja għalina l-insara, is-Salvazzjoni, mhux biss għax hawnhekk il-Mulej Ġesu’ ħa’ fuqu d-dnubiet tagħna billi ħalla ħajjtu msammar m’għuda tas-salib iżda wkoll għax ftit ‘il bogħod, fit-tielet jum, qam rebbieħ fuq il-mewt u ħalla qabar vojt għall-istagħġib ta’ kulħadd. Huwa maħsub li dawn l-avvenimenti, li biddlu l-istorja tad-dinja u d-destin tal-bniedem seħħu kollha fis-sit fejn illum insibu l-Knisja tas-Santu Sepulkru. Madankollu, fin-nuqqas ta’ dokumentazzjoni ċara, mhux l-esperti kollha jaqblu dwar dan.


Il-Kliem ‘kalvarju’ u ‘golgota’ kif insibu fl-evanġelji ifissru qorriegħa jew kranju u dan jagħti x’tifhem li, jew (1) il-post kien jissejjaħ hekk għax fih kienu jseħħu l-eżekuzzjonijiet kollha u allura wieħed jista’ jimmaġina l-ammont kbir ta’ qorriegħat u għadam ieħor li kien ikun hemm imferrxin, jew, (2) inkella għax l-għolja kellha l-forma ta’ qorriegħa.

Madankollu hemm argumenti b’saħħithom kontra dawn iż-żewġ tejoriji. Fl-Ewwel kas, l-istoriċi ma’ sabu l-ebda ħjiel li kien jeżisti xi post speċifiku għall-eżekuzzjonijiet u barra min hekk, kemm skont il-liġi Lhudija kif ukoll skont il-prattika taż-żmien, il-qraba tal-vittmi Lhud kienu jitħallew jidfnu l-katavri (dawk li ma kienux Lhud u oħrajn Lhud li ma kellhomx qraba kienu jitħallew jitmermru għal ġranet sħaħ).


Fil-Kas tat-tieni tejorija, l-ebda wieħed mill-erba’ vanġeli ma jagħtina x’nifhmu li l-kruċifissjoni seħħet fuq għolja (u għalhekk ma’ setgħetx kellha l-forma ta’ qorriegħa) għalkemm it-tradizzjoni li kien hekk tmur lura sar-raba’ seklu. L-Aktar tejorija antika u pjuttost b’saħħitha tgħid li l-isem Golgota ġej mill-fatt li l-Lhud, sa min qabel Kristu kienu jemmnu li l-fdalijiet ta’ Adam kienu midfuna f’dan il-lok.


L-Evanġelji jagħtuna x’nifhmu li fis-sit kien hemm ġnien u dan il-ġnien kien barra mill-belt imma qrib biżżejjed biex in-nies setgħu isegwu dawn l-eżekuzzjonijiet pubbliċi. Jgħidulna wkoll li qrib din il-‘Qorriegħa’ kien hemm qabar ġdid imħaffer fil-blat u jagħtuna wkoll deskrizzjoni limitata ta’ dan il-qabar u l-blata li tagħlaq l-entratura tiegħu. Mattew iżid li l-qabar kien proprjeta ta’ Ġużeppi ta’ Arimateja. Kemm hu diffiċli li nsibu dawn il-karetteristiċi fis-sit kif narawh illum? Irridu nżommu f’moħħna li sa mill-bidu tal-Kristjaneżmu, l-insara devoti bnew diversi monumenti u binjiet li biddlu għal kollox din il-biċċa art għera barra l-ħitan ta’ Ġerusalemm kif kienet fi żmien Kristu. Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li mis-seklu erbgħa ‘l quddiem, dan is-sit sar il-punt ċentrali tal-belt u l-art tal-battalja kontinwa bejn l-insara u l-Misilmin. Permezz ta’ skavi li saru, instab li l-art fejn illum hemm il-Knisja tas-Santu Sepulkru għandha ħafna karatteristiċi li jqarrbu lejn id-deskrizzjoni ta’ l-evanġelisti. F’dan is-sit kien hemm barriera li fis-snin qabel il-miġja ta’ Kristu inbiddlet fi ġnien li fih tħaffru numru ta’ oqbra. Skont it-tradizzjoni, wieħed min dawn l-oqbra imħaffer fil-blat u li jaqbel fil-għamla ma’ dak li nsibu fl-evanġelji kien ta’ Ġużeppi ta’ Arimateja u fih tpoġġa jistrieħ il-ġisem tas-Sinjur tagħna. Dan il-ġnien baqa’ barra l-ħitan tal-belt sas-sena 44 w.k. meta fi żmien Erodi Agrippa I inbena ħajt ġdid li kabbar iż-żona ta’ Ġerusalemm.

Biex nagħalqu, nagħtu ħarsa ħafifa lejn l-istorja mqallba ta’din il-knisja magħrufa. Fis-sena 326 w.k l-imperatriċi (Sant’) Elena identifikat dan il-post bħala l-Golgota u ftit snin wara, fuq ordni ta’ binha, l-Imperatur Kostantinu, inbniet hemmhekk l-ewwel Bażilika. Din twaqqgħet għal kollox f’attakk Persjan fis-sena 614 w.k. Reġgħet inbniet fuq skala iżgħar fis-sena 638 biex reġgħet ġiet distrutta mill-Arab fis-sena 1010 w.k. Din setgħet kienet waħda mir-raġunijiet li taw bidu għall-kruċjati bil-għan li l-Kristjani jerġgħu jieħdu kontroll tal-belt qaddisa ta’ Ġerusalemm.


Wara li seħħ hekk, fl-1149 w.k. il-Bażilika ġiet inawgurata mill-ġdid bl-isem tas-Santu Sepulkru. Madankollu, l-belt reġgħet waqgħet għall-aħħar darba f’idejn l-Arab fl-1187 li iżda m’għamlux ħsara lil Knisja u baqgħu iżommu ċ-ċavetta għall-bieb ewlieni tagħha sal-ġurnata sal-lum. Kull parti mill-Bażilika jieħdu ħsiebha xi waħda mill-ħafna knejjes insara li jeżistu bl-Arab ħafna drabi jagħmluha ta’ medjaturi bejn dawn id-denominazzjonijiet differenti. L-Aħħar ħames stazzjonijiet tat-Triq tas-Salib jitfakkru kollha f’partijiet differenti ta’ din il-knisja.

0