Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

L-ORDNI TA’ SAN ĠWANN MIR-RANDAN SA WARA’ L-ĠIMGĦA MQADDSA

Kitba Ta' Guido Lanfranco

Billi l-Ordni ta’ San Ġwann kienet ordni reliġjuża l-kavallieri kien ikollhom għadd kbir ta’ attivitiajiet fil-knisja konventwali tagħhom, f’San Lawrenz meta kienu l-Birgu u f’San Ġwann meta marru l-Belt.

Fir-Randan


Fl-ewwel jum tar-Randan, l-Erbgħa ta’ l-Irmied, kien isir it-tberik ta’ l-irmied u fiċ-ċerimonja il-viċi prijur kien jagħmel l-irmied lill-prijur u mbagħad il-prijur kien jagħmel l-istess lill-gran mastru, lill-kavallieri, kanturi, uffiċjali, qassisin u l-kumplament waqt li fil-kappella ta’ San Ġakbu f’San Ġwann kienu jagħmlu l-irmied lin-nies li kien ikun hemm fil-knisja qabel ssir il-quddiesa fuq l-altar maġġur. Mill-istess jum sa Sibt il-Għid, (ħlief fil-Ħdud) kienu josservaw is-sawm fil-jiem ta’ rogazzjoni. Kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-randan (ħlief fil-Ġimgħa l-Kbira) fl-oratorju tagħhom (bit-titular tal-martirju ta’ San Ġwann Battista) kien ikollhom espożizzjoni mis-sitta ta’ filgħodu, u dejjem kien ikun hemm, skond min imissu, żewġ qassisin jaduraw l-Ostja. Meta jasal il-gran mastru kienet issir quddiesa u l-priedka tal-kwareżima. Sa ilu ftit, kull min jippriedka l-eżerċissi tar-randan, kienu jgħidulu kwareżimalista, minħabba li jkun żmien liturġiku tal-kwareżima.


Id-Duluri


Nhar il-Ġimgħa wara Ħadd il-Passjoni, għalhekk qabel Ħadd il-Palm, kienu jfakkru d-Duluri tal-Madonna bħalma għadna nagħmlu sa llum. Fl-1672, Nicholas Cotoner stabbilixxa fondazzjoni biex issir din it-tifkira. Lejliet kienet issir il-Litanija fil-kappella ta’ Filermos. Il-gran mastru u l-kavallieri gran kroċi wara’ kienu jmorru proċessjonalment għall-vespri fil-knisja ta’ San Ġakbu, li kienet tal-lingwa ta’ Castille u Leon. L-għada, l-Ġimgħa,filgħodu, fl-istess knisja, l-istess personalitajiet jismigħu quddiesa kantata u wara jirritornaw lejn San Ġwann fejn, wara xi talb u kant ieħor, jagħmlu proċessjoni fil-knisja stess, bl-ikona tal-Madonna, issir quddiesa u priedka kwareżimali. Fil-knisja ta’ San Ġakbu kien hemm xbiha tad-Duluri li fl-1646 kienet salvata mill-ħsara meta kienet fuq bastiment.


Ħadd il-Palm


Mill-kattidral ta’ l-Imdina, kienu joħorġu għal ħdejn is-salib ta’ fuq il-kolonna fejn jitkanta il-Passju biex simbolikament kien issir tifkira tat-tbatija ta’ Kristu barra l-ħitan ta’ Ġerusalemm.


Ħamis ix-Xirka


F’dan il-jum kienu jieħdu ħsieb speċjalment il-kavallieri u l-kleru tal-lingwa ta’ Provenza fil-berġa tagħhom. Kienu jiltaqgħu fil-kappella tagħhom ta’ San Mikiel, f’San Ġwann u, fost id-daqq tal-qniepen, joħorġu proċessjoni mill-bieb ta’ Rjali (Triq Repubblika) għall-berġa. Hemm kien isir il-ħasil tas-saqajn ta’ tlettax-il fqir u ta’ oġġetti ta’ l-ikel għalihom. Wara dan kienu jerġgħu lura lejn San Ġwann. Imma kienet issir proċessjoni oħra f’dan il-jum. Minn San Ġwann kienu joħroġu proċessjoni bil-gran mastru u dinjitarji oħra jkantaw il-Miserere u jimxu lejn il-palazz maġisterjali. Fis-sala kien ikun hemm lesti f’kontenituri u, fuq il-mejda, ammont ta’ ħobż u qamħ. Kien ikun hemm tnax irġiel foqra, libsin l-abjad, tnax-il kavallier ħdejhom bil-buqar f’idhom u friskatur ilma jistennew il-proċessjoni tasal. Il-kavallieri kienu jgħinu lill-gran mastru, lill-prijur u lill-gran kroċi fiċ-ċerimonja tal-ħasil tas-saqajn; fost il-foqra kien ikun hemm il-gwardjan tal-patrijiet ta’Ġieżu. Wara dan il-gran mastru kien iqassmilhom borża ċkejnkna b’xi muniti tal-fidda.


Is-Sepulkru


Għall-ewwel, is-Sepulkru jew, kif qed insejħulu llum, l-Altar tar-Repożizzjoni, kien jintrama’ fl-oratorju tal-knisja ta’ San Ġwann imma, billi fl-oratorju beda jsir dejjem aktar xogħol dekorattiv, jidher li bdew jarmaw is-Sepulkru fil-kappella ta’ quddiem is-sagristija. Minħabba f’hekk din il-kappella baqgħet mingħajr tiżjin ta’ skultura. L-altar tar-Repożizzjoni kien maħdum fuq disinn ta’ Lorenzo Gafà. Drabi oħra kienu jieħdu l-kapsula tal-fidda fuq l-altar tal-kappella ta’ Santa Katarina fejn tiġi esposta għall-qima, b’żewġ kappillani konventwali b’ilbies korali preżenti fkull ħin. Qabel joħroġ, il-gran mastru u l-kavallieri, kienu jgħaddu minn qiddiem il-kappella ta’ Santa Katarina fejn il-kapsula kienet tirrappreżenta l-qabar ta’ Kristu. F’dan il-jum, il-gran mastru kien jirċievi ċ-ċavetta tal-kapsula biex l-għada, l-Ġimgħa l-Kbira, il-kapsula, l-istess waħda li għadha tintuża sa llum, kienu jeħduha fuq l-altar maġġur. Il-viċi prijur kien jirċievi ċ-ċavetta mingħand il-gran mastru biex jiftaħ il-kapsula. Wara l-uffizzju tat-tniebri kien jasal f’San Ġwann il-papas tal-Griegi bis-Sagrament, jilqgħuh il-kavallieri bil-baldakkin u fuq l-altar maġġur kien ikanta bir-rit Grieg.


Il-Ġimgħa l-Kbira


Fid-djarju tiegħu, il-vjaġġatur Georg Friedrich von Eulenberg għall-Marzu 1663, kiteb li fil-Ġimgħa l-Kbira daħal San Ġwann u sema’ t-tniebri u tliet bċejjeċ mill-lamenti ta’ Ġeremija waqt li fil-knisja kien hemm il-gran mastru u l-kavallieri. Saret ukoll il-proċessjoni bil-Madonna tal-Griegi, aktarx l-ikona tas-soltu. Kienet issir l-adorazzjoni tal-Kurċifiss. Għal din l-adorazzjoni is-sagristan kien iqiegħed fuq l-altar ir-relikwarju bil-Veru Linju (relikwa tas-Salib) u fuqu Kurċifiss għar-rit ta’ l-adorazzjoni. Tajjeb ngħidu li fl-1749 erba’ kappillani ta’ l-Ordni tal-kavallieri waqqfu is-Sodalità tal-Fondi għall-Ġimgħa l-Kbira. L-iskop kien biex jassiguraw li il-proċessjoni tal-Belt Valletta, u tal-Birgu, Bormla u L-Isla ssir u titkabbar id-devozzjoni lejha. Il-proċessjoni kienet stabbilita mill-iskwadra ta’ erba’ galeri ta’ l-Ordni. Kull-kappillan kien jiġbor minn fuq il-galera tiegħu u dak li jinġabar kien jitqiegħed fil-kaxxa fi ġranet apposta meta l-erbgħa jiltaqgħu bl-erba’ ċwievet differenti. F’din is-Sodalità kien hemm imsieħba skjavi mgħammdin, l-ikkundannati għall-qdif, u l-bonavolja.


Sibt il-Għid


Fost il-ħafna relikwi il-kavallieri kellhom ukoll żewġ muniti li kienu jgħidu li kienu tnejn mit-tletin li rċieva Ġuda u kienu magħrufa bħala Sacro Denaro jew flus ta’ Ġuda. F’Sibt il-Glorja (jew Sibt il-Għid) waqt il-kant tal-Magnificat is-sagristan kien iqassam muniti tax-xemgħa magħmulin minn fuq ir-relikwa, lil gran mastru, lill-prijur, lill-kavallieri u lill-kor. Kienu jsiru mix-xemgħa ta’ żmien l-Għid tas-sena ta’ qabel. Kienu jakkwistaw minnhom lill-baħħara għax kellhom fidi li bihom jistgħu jikkalmaw il-maltempati.


Lapsi


F’jum Lapsi kienet issir proċessjoni fit-toroq ta’ madwar il-knisja ta’ San Ġwann, waqt li ċċelebrant iżomm f’idu ikona li fuq naħa kellha ix-xbiha ta’ Kristu Salvatur u fuq wara oħra xbiha tal-Madonna. F’dan il-jum kienu jitfu l-blandun.


Wara l-Għid


Fil-jiem ta’ wara’ l-Għid, qabel Lapsi, kienu josservaw is-sawm it-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa, il-jiem tar-rogazzjoni. Il-membri ta’ l-Ordni kollha kellhom id-dmir li jsumu f’dawn it-tlitt ijiem li f’kull wieħed minnhom kienu jagħmlu proċessjoni, kull waħda b’rotta differenti. Proċessjoni waħda kienet tmur lejn il-knisja ta’ l-infermerija, oħra lejn il-knisja tal-monasteru ta’ Sant-Ursla u t-tielet lejn dik ta’ Sant’ Anton Abbati (li aħna aktar nafuha bħala Tal-Vitorja). Il-membri kollha ta’ l-Ordni kellhom id-dmir li jakkumpanjaw; min ma jakkumpanjax kien obbligat jgħid il-litanija tal-qaddisin privatament. Wara l-Għid kellhom proċessjonijiet oħra fil-Ħdud. Sa mill-bidu ta’ l-Ordni, u wkoll meta kienu f’Akri u f’Rodi, il-kavallieri kellhom tradizzjoni li jakkumpanjaw kull nhar ta’ Ħadd imma l-kapitlu tal-1631 naqqas dawn il-proċessjonijiet tal-Ħdud b’direttiva li għall-inqas trid issir waħda fix-xahar. F’dawn il-Ħdud kienu joħorġu mill-bieb tan-naħa taċ-ċimiterju li hemm fi Triq il-Merkanti, bis-salib quddiem, ikantaw il-litanija tal-qaddisin sakemm jaslu quddiem l-altar ta’ l-infermerija u wara diversi talb u kant kienu jerġgħu lura lejn San Ġwann għall-quddiesa.


Ħadd il-Għid


F’dan il-jum il-knisja ta’ San Ġwann kienet tkun dekorata sewwa u kienu jarmaw brazzi tal-fidda mal-kolonni. Kien ikun hemm l-uffizzju u l-quddiesa imma kien isir ukoll il-bews ta’ id il-gran mastru mill-prijur, miċ-ċelebranti, mill-kapitlu u mill-qassisin qabel il-kant tat-tielet siegħa. Dan il-jum kien għat-Tqarbina Ġenerali u ċ-ċeremonier kien jiġbor iċ-ċertifikati tat-tqarbina (il-bullettini) migħand il- kavallieri novizzi biex jgħaddihom lill-prijur. It-Tnejn u t-Tlieta fuq l-Għid kienu jkunu festi kmandati. L-istess von Eulenberg li ġa semmejna, fid-djarju tiegħu kiteb ukoll li. fil-25 ta’ Marzu 1663, meta ħabat l-Għid il-Kbir, il-galeri fil-port kienu kollha mżejnin bil-bnadar u bit-torċi mixgħulin, filwaqt li sparaw ħafna tiri ta’ salut. F’San Ġwann kien hemm il-pontifikal mill-prijur ta’ l-Ordni. Mis-Sanctus sa l-Elevazzjoni, madwar l-altar intużaw il-flabelli, imriewaħ bir-rix tan-nagħma (jew ostrich), bħalma kienu jużaw f’Ruma. Uffiċjal tal-kavallieri, bil-virga ċeremonjali, beda jdur fil-knisja jistieden xi personalitajiet għall-ikla ta’ l-Għid. Wara ċ-ċeremonji il-kavallieri u oħrajn għaddew quddiem il-gran mastru biex jixtiqulu l-Għid it-tajjeb u l-mistednin marru għall-pranzu. Meta l-Ordni kienet il-Birgu il-galeri kienu jisparaw tiri ta’ salut ukoll wara l-quddiesa ta’ l-Għid, waqt il-proċessjoni ta’ l-Irxoxt tal-Birgu u waqt il-quddiesa li kienet issir fuq il-kapitana. Il-kbarat kienu jmorru jawguraw l-Għid it-tajjeb lill-gran mastru, uħud għax kienu obbligati oħrajn minn rajhom. L-Inkwiżituri ma kienux obbligati jagħmlu dan imma uħud minnhom ħassew li kellhom imorru jawgurawlu, sakemm biż-żmien warajhom bdew jikkunsidrawha obbligu. Imma ma baqgħux jieħdu gost wisq imorru jagħmlu dan għax il-gran mastri ma kienux jiffittaw wisq biex joffrulhom l-isbaħ sedja jew koppa speċjali. Fl-Għid il-kbir il-bonavolja ta’ fuq il-galeri kienu jirċievu bonus ta’ skud bħalma kienu jieħdu fil-karnival u f’San Ġwann. Fil-Milied u f’San Martin il-bonus kien ikun ta’ żewġ skudi.


Pentekoste


Fl-Għid il-Ħamsin il-knisja ta’ San Ġwann kienet tkun imżejna bid-damsk aħmar waqt li kien isir ir-rit normali, bil-gran mastru jattendi fuq it-tron fin-naħa tal-lemin. Wara l-quddiesa l-kavallieri novizzi kienu jingħataw iċ-ċertifikat jew bullettin tat-tqarbin.

0