Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

(ara wkoll artiklu 'Malta's Outstanding Crucifixes"

Kitba Ta' Guido Lanfranco

Il-qniepen tal-knejjes tagħna jgħaddulna, fl-imgħoddi aktar minn issa, messaġġi matul is-sena kollha biex ifakkru jew iħabbru diversi avvenimenti u ma jistax jonqos li dwar il-Passjoni ta’ Kristu jsemmgħulna lingwaġġ speċjali. Kulħadd jaf li, minbarra tifkiriet oħra, fil-Ġimgħa Mqaddsa hemm jumejn li fihom id-daqq tal-qniepen iħeġġiġna nħossu l-atmosfera ta’ żewġ ġrajjiet ta’ mportanza mill-aktar kruċjali għall-Insara, jiġifieri il-Ħamis ix-Xirka li jfakkar l-istituzzjoni ta’ l-Ewkarestija u l-Ġimgħa l-Kbira li tfakkar il-Passjoni. F’Ħamis ix-Xirka t-twaqqif ta’ l-Ewkarestija huwa mħabbar bid-daqq ferrieħi tal-qniepen u fil-Ġimgħa l-Kbira d-dwejjaq għall-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu jinħass aktar bis-silenzju vistuż tagħhom.


Mhux biżżejjed li l-qniepen isemmgħu leħenhom f’dawn il-jumejn tal-Ġimgħa Mqaddsa, imma mill-aħħar snin tas-seklu tmintax bdew jindaqqu l-qniepen nhar ta’ Ħamis u nħar ta’ Ġimgħa matul is-sena kollha.


Kull nhar ta’ Ħamis u l-Ġimgħa


F’Ottubru tal-1781 fl-Isla kien ġie deċiż li kull nhar ta’ Ħamis filgħaxija, sagħtejn wara nżul ix-xemx, tindaqq mota ferrieħa tal-qniepen biex tfakkar l-istituzzjoni ta’l-Ewkarestija fl-Aħħar Ċena u wkoll l-għada l-Ġimgħa fit-tlieta ta’ wara’ nofsinhar jindaqq it-transitu jew mortorju biex ifakkar il-Mewt ta’ Kristu. L-isqof Labini, fl-1793, kien daħħal dawn id-devozzjonijiet bid-daqq tal-qniepen u talb, fil-parroċċi kollha tad-djoċesi. F’Għawdex, tal-Ħamis kienet magħrufa wkoll bħala “l-Mota taċ-Ċena”. Biż-żmien, din it-tifkira bdiet issir f’għamla ta’ Ora Santa filgħaxija bl-Adorazzjoni Ewkaristika.    

Il-mortorju jew transitu tat-tlieta ta’ wara’ nofsinhar kien jindaqq kull nhar ta’ Ġimgħa imma ma kienx idoqq fil-Ġimgħa l-Kbira għax dakinhar ikun hemm tifkira mod ieħor u l-qniepen kienu jkunu siekta mill-ġlorja tal-Ħamis is-Xirka sal-Glorja tas-Sibt il-Glorja filgħodu; lanqas ma kien jindaqq fil-Milied jekk dan jinzerta l-Ġimgħa, għax il-Mewt ta’ Kristu ma tistax titfakkar fl-istess jum tat-Twelid Tiegħu. Il-qniepen tal-Ġimgħa għadhom jindaqqu f’diversi parroċċi u sa ftit snin ilu, aktar minn daż-żmien, nies fuq ix-xogħol kienu jagħmlu pawża u fl-iskejjel kienu jieqfu l-lezzjonijiet malli jinstemgħu it-tokki kiebja tat-tlieta biex jgħidu t-taqbila li tibda: “O ruħ, x’għamiltlek jiena . . . ħallejtni wara’ spallejk . . . ” Għal min kien isum is-Sawma tal-Passju il-qniepen tal-Glorja ta’ Ħamis ix-Xirka kienu l-bidu din is-sawma stretta li kienet tispiċċa mal-Glorja ta’ Sibt il-Għid; din is-sawma kienet magħrufa wkoll bħala s-Sawma minn Glorja sa’ Glorja.


Qniepen siekta


F’Ħamis ix-Xirka filgħodu l-funzjoni kienet (u għadha) tasal għall-Glorja li magħha jdoqqu l-qniepen. Din kienet tkun l-aħħar darba li l-qniepen idoqqu qabel il-Glorja tas-Sibt filgħodu. Mbagħad issir proċessjoni fil-knisja biex l-Ostja tiġi esposta fis-Sepulkru (issa nippreferfu ngħidu Altar tar-Repożizzjoni). Il-jum tal-Ġimgħa kien jitħalla sieket u l-qniepen ma jinstemgħu xejn għax jorbtulhom ilsienhom. Ukoll fid-djar, dawk li kellhom, ma kienux idoqqu radju jew diski u lit-tfal ma kienux iħalluhom jilgħabu jgħajtu. Interessanti wieħed jiftakar li Dun Alfred Gatt, qassis twajjeb li ħadem għad-devozzjoni tal-Volto Santo, jew Wiċċ ta’ Kristu, miet fis-26 ta’ Marzu 1937 li ħabat jum il-Ġimgħa l-Kbira. 

Għalkemm kien il-Ġimgħa l-Kbira, xorta waħda kellu l-Vjatku, imma l-qniepen tal-knisja ma daqqewx. Il-Qanpiena tat-Tifkira (The Siege Bell) li hemm qrib il-Barrakka t-Isfel u Sant’ Iermu, li saret minn John Taylor fl-1992 biex tfakkar l-assedju tat-Tieni Gwerra Dinjija, saret biex iddoqq tifkira kuljum f’nofsinhar, imma mhux fil-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid ta’ żmienna. L-ewwel u l-aħħar darba li daqqew il-qniepen fil-Ġimgħa l-Kbira kien fil-11 ta’ April 1941. Dak iż-żmien konna fil-gwerra bl-attakki mill-ajru. Kien hemm arranġament li wara’ li s-sirena ddoqq biex tavża li għadda l-attakk (raiders passed), kien imiss idoqqu l-qniepen biex jagħtu l-all clear. F’dak il-jum li semmejna kien hemm air raid u meta spiċċa kollox kellhom idoqqu l-qniepen skond l-ordnijiet, wkoll jekk kienet il-Ġimgħa l-Kbira.


Iċ-ċuqlajta


Biex iħabbru attivitajiet u funzjonijiet konnessi mal-Ġimgħa l-Kbira, fiż-żmien meta l-qniepen ikunu siekta, kienu (u bosta għadhom) jużaw iċ-Ċuqlajta fuq il-kampnar jew fuq il-knisja. Għadna nisimgħu iċ-ċuqlajta f’diversi postijiet waqt li toħroġ il-proċessjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Ukoll f’xi funzjonijiet fil-knisja minflok qanpiena ċkejkna kellhom ċuqlajta żgħira ta’ l-idejn. Bosta tfal kien ikollhom waqħda ta’ l-idejn li kienet issir minn bċejjeċ ta’ l-injam marbutin flimkien. Iċ-ċuqlajta tal-kampnar kienet tkun magħmula kollha ta’ l-injam bħallikieku erba’ kaxex twal vojta minn ġewwa mqiegħdin għamla ta’ salib b’imradd biex iddawwar minnu u, waqt li ddawwar, bċejjeċ ta’ l-injam biċ-ċappetti jfaqqgħu bejniethom.    

Jissemmew daqs erbgħin waħda ta’ għamliet differenti f’Malta u f’Għawdex oħrajn l-Għarb, Nadur, Qala, il-kattidral fiċ-Ċittadella, r-Rabat għand il-Konventwali, Sannat, Xagħra, Xewkija u Iż-Żebbuġ. Hemm kitba li tgħid li fin-Naxxar, għal xi żmien fis-seklu tmintax, waqt il-proċessjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ma kienux jużaw ċuqlajta minflok qanpiena imma, għal kull statwa li toħroġ kien hemm wieħed jaħraq il-maskli. Għall-ħsejjes li tagħmel iċ-ċuqlajta waqt id-dawran, l-Ingliżi jużaw l-espressjoni: cracking of Juda’s bones, jiġifieri li l-ħsejjes qishom l-għadam ta’ Ġuda qed jitfarrku!


Mal-qniepen ta’ Sibt il-Glorja

 Bejn wieħed u ieħor sa nofs is-snin sittin tas-seklu għoxrin il-Glorja kienet iddoqq is-Sibt filgħodu li kien jissejjaħ ukoll Sibt il-Glorja jew Sibt il-Għid. Iċ-ċerimonja ta’ filgħodu fil-knisja kienet tkun twila imma issa saret qasira u wara’ nofsinhar u, fejn qabel ma kienux jistgħu isiru magħmudijiet, issa jistgħu isiru. Iċ-ċelebranti kienu jilbsu l-vjola, issa l-abjad. Wara t-tberik tan-nar kienu jkantaw il-litanija tal-qaddisin it-twila, imma issa mqassra.


Malli ddoqq il-Glorja kont tisma’ storbju f’atmosfera ta’ ferħ ma’ kullimkien. Minbarra d-daqq tal-qniepen, fil-knisja jinstma’ l-orgni, jinkixfu t-twieqi u l-inkwadri li kienu jitgħattew ftit jiem qabel. Fid-djar ħafna nies kienu jbaħħru biż-żebbuġ imbierek miżjud b’xi biċċiet tax-xemgħa tat-tniebri jew tal-kandlora. Tfal fid-dar jew barra, dawk li kellhom waħda, kienu jdoqqu qanpiena ta’ l-idejn. Ħafna ommijiet kienu jagħtu banju lit-trabi li fih kienu jitfgħu bċejjeċ tal-fjuri minn tas-Sepulkru. Oħrajn li jkollhom trabi se jitilqu jimxu, kienu jżommuhom weqfin fuq saqajhom bit-tama li jitilqu jimxu malajr. Ħwienet tal-laħam u tal-merċa kienu jieħdu r-ruħ li spiċċaw is-sawm u l-astinenza u jibdew iċekċku skieken u laned fuq l-irħama tal-bank. Jindaqqu l-qniepen tal-knejjes l-oħrajn, il-laneċ u bċejjeċ oħra tal-baħar isaffru fil-portijiet meta jisimgħu il-qniepen ta’ San Ġwann. 

Il-kon-kattiodral ta’ San Ġwann kien ikun ippakkjat bin-nies u oħrajn ferrieħa fit-toroq biex ikunuy preżenti meta tindaqq il-ġlorja tas-Sibt filgħodu. . Tfajliet kienu jaqilbu għal ħwejjeġ tal-mezzutemp, in-nies imorru jixtru l-figolli, tal-ħwienet ibaħħru biż-żebbuġ. F’nofsinhar joħorġu tat-tanbur u tal-fifra minn ħdejn il-knisja tal-Griegi għal Strada Rjali, b’ħafna tfal u kbar jgħajtu madwarhom, kif kien ukoll isir fit-Tlitt Ibliet, spiss b’għajjat u taqbiliet mimli botti kontra r-rivali tagħhom ta’ L-Irxoxt. Fis-seklu tmintax, Johan Meerman, vjaġġatur Olandiż, fost affarijiet oħra kiteb li f’Sibt il-Għid, minbarra l-qniepen, kienu jisparaw il-kanuni ta’ l-Ordni u l-għada l-Ħadd, mhux biss kienu jerġgħu jisparaw tiri ta’ salut imma l-qniepen kienu jdumu jdoqqu l-ġurnata kollha.

Qniepen privileġġjati fil-Glorja


Fl-1816 il-knisja parrokkjali ta’ Porto Salvo tad-Dumnikani tal-Belt, li popolarment ngħidulha “ta’ San Duminku” saret bażilika minuri mill-Papa. Knisja jkun jistħoqqilha dan l-unur b’konnessjoni ma’ ħidma speċali u d-Dumnikani ġew ippremjati b’dan it-titlu l-aktar għax-xogħol tagħhom fi żmien il-pesta tal-1813. Fil-brevi tal-Papa Piju VII, fost konċessjonijiet oħra kitbilhom: “Kull sena, fil-jum tas-Sibt tal-Ġimgħa l-Kbira, waqt li tkun qed tiġi ċelebrata l-quddiesa solenni tal-Qawmien mill-Mewt ta’ Sidna, ma’ l-innu Gloria in excelsis Deo immedjetament wara li jinstema’ s-sinjal jew daqq tal-qniepen mill-kampnar tal-knisja ta’ San Ġwann Battista ta’ l-Ordni Ġerosolimitan, aħna, bl-awtorità tagħna imsemmija, nikkonċedu u nagħtu wkoll għal dejjem, li huma jkunu jistgħu idoqqu bla xejn tfixkil, il-qnapiena ta’ l-imsemmija knisja parrokkjali, imżejna bit-titlu ta’ bażilika minuri, kif ġa ngħad, qabel il-knejjes l-oħra ta’ l-istess Belt.” Dan kien ifisser li wara’ San Ġwann ħadd mill-knejjes tal-Belt ma seta’ jdoqq il-qniepen ħlief ta’ San Duminku; l-oħrajn idoqqu warajhom.

0