Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Jiem Imqaddsa tal-Fidwa mal-Ikona tas-Salib ta’ San Damjan

Patri Mario Attard OFM Cap

F’dawn il-jiem imqaddsa, jiem li fihom nirriflettu u niċċelebraw bil-għan li ngħixu l-messaġġ tal-Fidwa tagħna l-bnedmin minn Ġesù Kristu, ħsibt li nħallu l-arti stess twassalna għal din ir-rejaltà ewlenija f’ħajjitna. Kif kien qal il-Papa Emeritu Benedittu XVI, nhar il-31 t’Awwissu 2011, quddiem folla ta’ 5,000 ruħ li nġabret bi ħġarha fir-residenza tas-sajf tiegħu f’Castel Gandolfo, daqs 15-il mil fin-naħa t’isfel ta’ Ruma, “l-arti għandha l-ħila tikxef il-bżonn tagħna li immorru lil hinn minn dak li naraw. Hija tirrevela l-għatx tagħna għas-sbuħija infinita, għal Alla”. Imnebbaħ mill-kliem dehni ta’ dan il-Papa kbir, li kellu mħabba kbira lejn l-arti, u kif ukoll għaliex jien Patri Franġiskan, ħsibt li nipproponilkom it-tifsira artistika u spiritwali tas-Salib ta’ San Damjan.


Is-Salib ta’ San Damjan huwa dak li quddiemu San Franġisk kien qiegħed jitlob meta irċieva l-kmand mill-Mulej biex jibnilu l-Knisja tiegħu mill-ġdid. Is-Salib oriġinali illum jinsab fil-Bażilika ta’ Santa Klara f’Assisi. Il-Franġiskani kollha jgħożżu dan is-salib bħala s-simbolu tal-missjoni tagħhom minn Alla. Is-salib huwa magħruf ukoll bħala salib ikona.


It-tradizzjoni ta’ slaleb bħal dawn bdiet fil-Knisja tal-Lvant u ġiet meħuda mill-monaċi Serbi għar-reġjun tal-Umbrija fl-Italja. Is-Salib ta’ San Damjan kien wieħed minn numru ta’ slaleb li ġew impittra b’figuri simili tul is-seklu 12 fl-Umbrija. L-isem tal-pittur m’huwiex magħruf. L-għan tal-ikona salib kien li jgħallem it-tifsira tal-ġrajja li tkun ġiet impittra fuqu u b’hekk il-fidi tal-poplu tkun imsaħħa. Ħafna mill-letteratura fuq is-suġġett wieħed jista’ jsibha bl-ilsien Taljan jew Franċiż.


L-istorja tal-Kurċifiss ta’ San Damjan

Kif diġà għedna artist mhux magħruf pitter il-Kurċifiss Ikona fis-seklu 12. Xi studji jgħidulna li f’dan is-Salib hemm influwenza qawwija Sirjana. Fil-fatt l-istorja tgħidilna li f’dawn l-inħawi kien hemm xi monaċi mis-Sirja. Is-Salib huwa mpitter fuq l-injam. Is-Salib huma madwar 190 ċentimetru għoli, 120 ċentimetru wiesa’ u 12-il ċentimetru oħxon. X’aktarx li ġie impitter għall-knisja ta’ San Damjan biex jitwaħħal fuq l-Altar. Dan l-għaliex is-Santissimu Sagrament ma kienx ippreservat fi knejjes li ma kienux parroċċi f’dawk iż-żminijiet. Dan kien speċjalment il-każ ta’ dawk il-knejjes li sfaw abbundanti u mwarrba bħalma nafu li kienet il-knisja ta’ San Damjan. Meta fl-1257 il-Klarissi ħallew San Damjan u marru fil-Knisja ta’ San Ġorġ huma ħadu l-Kurċifiss magħhom. Huma irnexxielhom jippreservaw is-salib għal aktar minn 700 sena. Fil-Ġimgħa Mqaddsa tal-1957 is-salib ġie muri għall-ewwel darba lill-pubbliku fuq l-Altar il-ġdid tal-Kappella ta’ San Ġorġ fil-Bażilika ta’ Santa Klara t’Asssi. Illum dan is-Salib huma meqjum minn dawk kollha li jżuru l-Bażilika ta’ Santa Klara.


L-Ikona ta’ Kristu Ittrasfigurat


Għall-Insara tal-Lvant l-ikona hija rappreżentazzjoni ta’ Alla l-ħaj. Għalihom li wieħed ikun fil-preżenza ta’ ikona jfisser li wieħed ikollu laqgħa personali mas-sagru permezz tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk l-Ikona ta’ San Damjan hija opportunità għall-laqgħa personali ma’ Kristu Ittrasfigurat, ma’ Alla magħmul bniedem. Il-Kurċifiss preżenti jħaddan fih l-istorja tal-mewt, il-qawmien u t-tlugħ fis-sema. Huwa jfisser b’mod totali u universali l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Dan il-Kurċifiss, fil-majestà serena tiegħu, juri l-preżentazzjoni tal-Vanġelu skont San Ġwann. F’dan il-Vanġelu l-mewt ta’ Kristu hija ippreżentata fid-dimensjonijiet salvifiċi tagħha. M’hijiex sorprendenti li San Franġisk safa imsaħħar minn din l-Ikona u li l-ispirazzjoni għal ħajtu ġiet minn dan Kristu li qallu: “Mur u sewwi l-Knisja tiegħi ... ”


Il-Figura ċentrali ta’ Kristu


Il-figura ċentrali tal-Ikona hija Kristu. U dan mhux biss l-għaliex l-għamla tiegħu hija relattivament kbira. Imma wkoll l-għaliex il-figura ta’ Kristu hija waħda imdawla li tiddomina x-xena u qiegħdha tagħti d-dawl lill-figuri l-oħra. “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12). Kristu jinstab wieqaf u mhux imdendel mas-salib. Għajnejn Ġesù jinsabu miftuħa. Għaliex qiegħed iħares lejn id-dinja li hu feda. Huwa ħaj. L-etern. Il-velu ta’ madwar qagħadt Ġesù hija tal-għażel. Dan is-simbolu juri li Ġesù huwa kemm il-Qassis il-Kbir u anki l-Vittma. Sidru, gerżumtu u għonqu huma mpittra b’qawwa kbira. Dan l-artist għamlu biex jissimbolizza lil Ġesù li jagħti lid-dixxipli tiegħu l-qawwa li joħolqu mill-ġdid (ara Ġw 20:23). Ġesù nefaħ fuq id-dixxipli tiegħu (ara Ġw 20:22). Il-kelma Griega li juża’ l-evanġelista Ġwanni tfakkarna fil-mument tal-Ħolqien (ara Ġen 2:7).


Id-dell fuq il-wiċċ ta’ Ġesù huwa imkabbar mill-fatt li d-dijadema (l-awreola) u l-wiċċ huma mqabbża ‘l barra mill-ikona oriġinali. Din it-teknika turi li l-umanità ta’ Kristu tgħatti l-veru glorja tal-Kelma. Wara d-dirgħajn miftuħa u msallbin ta’ Kristu jinsab il-qabar vojt tiegħu. Fl-ikona huwa irrapreżentat bħala rettanglu iswed.

Il-Medaljun u l-Kitba


It-tlugħ fis-sema huma rappreżentat fiċ-ċirku aħmar fil-medaljun. Hemmhekk Kristu qiegħed joħroġ miċ-ċirku filwaqt li qiegħed iżomm salib tad-deheb li issa sar ix-Xettru Irjali tiegħu. Ilbiesu huma tad-deheb, jiġifieri simbolu tal-maestà u r-rebħa tiegħu. Il-mantar aħmar tiegħu huwa sinjal tal-Ħakma u r-Regalità tiegħu, li huma mħaddma fl-imħabba. L-anġli laqgħuh fis-sema. L-ittri IHS huma l-ewwel tlett ittri tal-isem ta’ Ġesù. L-ispazzju ċkejken ta’ fuq jindika li l-kitba hija mqassra. NAZARE tfisser in-Nazzarenu. REX hija ‘sultan’ filwaqt li IUDEORUM tfisser ‘tal-Lhud’, bħalma jgħidilna l-Vanġelu skont San Ġwann: “Ġesù ta' Nazaret, is-sultan tal-Lhud ” (Ġw 19 :19).


L-Id tal-Missier


Minn nofs ċirku, fin-naħa ta’ fuq nett tal-ikona, “dak li għajn qatt ma rat” (1 Kor 2:9) juri lilu nnifsu f’barka li qiegħed jagħti. Din il-barka hija mogħtija mill-id il-leminija ta’ Alla bis-subgħa imtawwal. Jiġifieri bl-Ispirtu s-Santu. Il-Missier jagħti d-don tal-Ispirtu s-Santu lil kulħadd minħabba l-merti tal-Passjoni ta’ Kristu.


Id-Dielja Mistika


Madwar is-Salib hemm għadd ta’ skrolli kaligrafiċi li jistgħu jfissru d-dielja mistika. Fil-vanġelu skont San Ġwann Ġesù jgħidilna: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi” (Ġw 15:1). Fihom jistgħu jħaddnu wkoll il-kliem: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Fin-naħa t’isfel tas-salib hemm bħal sezzjoni li tidher qisha blata. Jiġifieri s-simbolu tal-Knisja. L-arzelli huma s-simboli tal-eternità. L-arzella hija misteru moħbi fil-baħar ta’ kobor bla qies u bla ħin tal-eternità. Madankollu dan il-misteru ġie irrivelat lilna.


Marija u Ġwanni


Bħalma nsibu fil-Vanġelu skont San Ġwann, Marija u Ġwanni huma impoġġijin ma’ ġenb xulxin. Il-mantell ta’ Marija huwa abjad. Il-kulur abjad ifisser ir-rebħa (Apok 3:5), purifikazzjoni (Apok 7:14) u għemejjel tajba (Apok 19:8). Il-ħaġar prezzjuż fuq il-mantell jirreferu għall-grazzji tal-Ispirtu s-Santu. Il-kulur aħmar skur li Marija hi liebsa taħt il-mantell tagħha jfisser imħabba intensa. Filwaqt li l-libsa ta’ ġewwa li hi liebsa l-Verġni Marija hija ta’ kulur vjola. Dan il-kulur ifisser li Marija hi l-Arka tal-Patt (Ex 26: 1-4).

Id il-leminija ta’ Marija hi mtella’ sa ħaddejha. Din il-mossa turi l-aċċettazjoni u l-imħabba tagħha għal Ġwanni. Idha l-leminija tipponta lejn Ġwanni filwaqt li għajnejha ixandru l-aċċettazzjoni ta’ kliem Kristu: “Mara, hawn hu ibnek ... ” (Ġw 19:26). It-taqtir tad-demm iqattar fuq Ġwanni f’dan il-mument. Il-mantell ta’ Ġwanni hu ta’ kulur roża. Dan il-kulur ifisser għerf etern. Filwaqt li t-tunika tiegħu hija bajda. Hija turi s-safa. Il-pożizzjoni tiegħu qiegħdha bejn Ġesù u Marija. Hekk jixraq għad-dixxiplu li hu maħbub minnhom it-tnejn. Ġwanni qiegħed iħares lejn Marija. “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Madankollu b’subgħajh ta’ idu l-leminija qiegħed jipponta lejn Kristu.


Figuri Ewliena Oħra


Marija Maddalena

Marija Maddalena hija biswit Kristu. Għalih kienet speċjali ħafna. Idha qiegħdha fuq geddumha. Din il-qagħdha turi li se tiżvela sigriet. “Li Kristu qam!” Marija Maddalena liebsa l-kulur vjola, li hu s-simbolu tal-imħabba. Il-mantell ikħal tagħha japprofondixxi dan l-aspett.


Marija ta’ Kleofa

Xi awtoritajiet jqisuha li hi omm Ġakbu. Marija tilbes ilbies lewn il-ħamrija. Dan hu s-simbolu tal-umiltà. Barra minhekk il-mantell ta’ lewn aħdar ċar huwa simbolu tat-tama. L-ammirazzjoni tagħha għal Ġesù hija murija mill-ġest ta’ idha.


Iċ-ċenturjun ta’ Kafarnahum

Huwa qiegħed iżomm biċċa njama f’idu x-xellugija. Dan il-ġest juri l-bini tas-Sinagoga (Lq 7: 1-10). It-tfajjel ċkejken taħt spallejh huwa ibnu li Ġesù kien fejjaqlu. It-tlett irjus wara t-tifel juru li “emmen hu u l-familja kollha tiegħu” (Ġw 4:53). Għandu tlett iswaba ta’ idu l-leminija miftuħa. Dan huwa simbolu tat-Trinità. Filwaqt li ż-żewġt iswaba magħluqa juru t-twemmin fil-għaqda taż-żewġ naturi ta’ Ġesù Kristu. “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!” (Mk 15:39).


Figuri żgħar

Lonġinu

Skont it-tradizzjoni Lonġinu huwa s-suldat Ruman li nifed il-ġenb ta’ Ġesù b’lanza.


Stiefnu

It-tradizzjoni tagħti wkoll l-isem Stiefnu lis-suldat li offra lil Ġesù sponża li kienet imxarrba bil-ħall wara li Ġesù għajjat: “Għandi l-għatx!” (Ġw 19:28).


Il-Qaddisin Mhux Magħrufa

Fin-naħa t’isfel tal-Ikona hemm sitt qaddisin mhux magħrufa. Xi studjużi jaħsbu li dawn il-qaddisin huma San Damjan, San Ruffinu, San Mikiel, San Ġwann Battista, San Pietru u San Pawl. Dawn kienu ilkoll qaddisin padruni ta’ Knejjes f’Assisi u madwarha. San Damjan kien il-Padrun tal-Knisja li tħaddan fiha is-Salib u San Rufinu kien il-Qaddis Padrun ta’ Assisi. Minħabba li din in-naħa tas-salib ġarrbet bosta ħsarat huwa diffiċli ħafna biex wieħed tabilħaqq jidentifika dawn il-karattri.


L-Anġli Mistgħaġba

Hemm żewġ gruppi ta’ anġli bilqiegħda li qiegħdin jiddiskutu b’mod vivaċi ħafna ix-xena li hemm tiżvolġi quddiemhom (ara Ġw 20:12). “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem” (Ġw 3:16).


Il-Qabar

Wara Kristu jinstab il-qabar vojt. Kristu huwa ħaj u qiegħed fuq il-qabar. Il-kulur ħamrani tal-imħabba jissupera l-kulur iswed li jissimbolizza l-mewt. Il-ġesti tal-qaddisin mhux magħrufa taħt idejh juru l-fidi. Dawn il-qaddisin jistgħu jkunu Pietru u Ġwanni li kienu fil-qabar vojt (ara Ġw 20:3-9).

Is-Serduq

L-inklużjoni tas-serduq tfakkarna fiċ-ċaħda ta’ Pietru li beka “biki ta’ qsim il-qalb” (Mt 26 :75). Is-serduq iħabbar ukoll l-għodwa ġdida ta’ Kristu Imqajjem minn bejn l-imwiet, id-dawl veru (ara 1 Ġw 2 :8).


Il-Forma tas-Salib

Il-Forma tas-Salib ġiet mibdula bil-għan li tippermetti lill-artist li jinkludi lil dawk li ipparteċipaw fid-drama tal-Passjoni. Ninnutaw li d-dirgħajn tas-salib jgħollew lejn in-naħa tal-lemin biex juru li l-Ħalliel it-Tajjeb (li t-tradizzjoni issejjaħlu Disma) mar fis-Sema. Filwaqt li d-driegħ tax-xellug huwa immejjel biex juri li l-ħalliel l-ieħor ma rnexxilux.


In-numri

Fl-ikona hemm tlieta u tletin figura, żewġ figuri ta’ Kristu, id il-Missier, ħames figuri ewlenin, żewġ figuri ċkejknin, erbatax-il anġlu, żewġ personaġġi mhux magħrufa taħt dirgħajn Ġesù Msallab, tfajjel ċkejken u sitt personaġġi mhux magħrufa n-naħa t’isfel tas-salib u s-serduq. Hemm tlieta u tletin rjus tal-imsiemer fl-arzelli tul il-faxxa u seba’ madwar id-dijadema.


Din it-tifsira teoloġika tas-salib ta’ San Damjan twassalni biex nikkwalifikah bħala ikona per eċċellenti. Dan l-għaliex il-karatteristiċi tiegħu joqgħodu kexxun fil-“grammatika” bażika tal-lingwa ikonofagrika.


L-ewwel, l-arti tal-ikoni tolqotna minħabba l-frontalità tal-figuri. Din il-frontalità iġġib il-figuri f’relazzjoni diretta ma’ min qiegħed jarahom u tagħti l-ogħla espressjoni tal-uċuħ. Ninnutaw il-frontalità tal-personaġġi flimkien mal-espressjonijiet varji tal-karattri fis-Salib ta’ San Damjan.


It-tieni, l-uċuħ tal-qaddisin għandhom għajnejhom kbar b’forma ta’ lewża, widnejhom imtawlin, imnieħer twil u rqiq u ħluq ċkejknin. L-artisti tal-ikoni jippruvaw juri li kull organu tas-sensi, l-għaliex irċieva l-Grazzja Divina, ġie imqaddes u waqaf li jkun l-organu tas-sensi tal-bniedem bijoloġiku. Eżempju ta’ dan huma l-għajnejn, il-widna, l-imnieħer ta’ Kristu fuq is-salib.


It-tielet, l-arti tal-ikoni twarrab bi ħsieb il-prinċipju tal-perspettiva naturali biex tevita, akkost ta’ kollox, l-illużjoni tridimensjonali. Minflok hija tagħti l-impressjoni ta’ rappreżentazzjoni ċatta u nieqsa mill-perspettiva. Il-figuri frontali ta’ Kristu, flimkien mal-personaġġi fl-Ikona, jitħaddtu waħedhom.


Ir-raba, l-arti tal-ikoni tuża’ l-perspettiva psikoloġika. Din hija ibbażata fuq il-prinċipju li l-aktar figura importanti fil-kompożizzjoni għandha tkun l-aktar waħda twila u l-iżjed waħda li għandha tkun impoġġija fin-nofs. Dan l-għaliex l-attenzjoni ta’ min qiegħed iħares lejn l-ikona għandha tkun miġbuda lejn dak li hu ċentrali u kbir aktar milli lejn dak li hu marġinali u ċkejken. Tassew impressjonanti l-persuna ta’ Ġesù Kristu imsallab fin-nofs tal-Ikona.


Il-ħames, ġaladarba l-arti tal-ikona m’hijiex rejalistika ma turi l-ebda għajn naturali tad-dawl u ma tirripreżentax dellijiet. L-uniku dawl fl-ikoni huwa dak ġewwieni, li joħroġ mill-figuri sagri. Dan id-dawl huwa “d-dawl veru” (Ġw 1:9), id-dawl divin ta’ Kristu. Fl-ikona tas-salib ta’ San Damjan wieħed ma jistax ma jimpressjonax ruħu mid-dawl qawwi li ħiereġ mill-figura ċentrali ta’ Kristu Msallab.


Is-sitta, l-arti tal-ikona għandha l-kapaċità li tirrapreżenta għadd ta’ mumenti tal-istess azzjoni jew storja fl-istess kwadru. Fl-Ikona ta’ San Damjan insibu rakkont sħiħ tal-passjoni u l-qawmien tal-Mulej Ġesù. Fil-fatt fl-Ikona hemm id-dettall tas-serduq, li jirrappreżenta l-istorja taċ-ċaħda ta’ Pietru u kif ukoll id-dettall tal-qabar vojt, li jirrappreżenta r-rebħa ta’ Ġesù Kristu fuq il-mewt. Xi skulari jsejħu din it-teknika “l-istill kontinwu” fl-ikona.


Meta tkun quddiem din l-Ikona imprezzabbli tas-Salib ta’ San Damjan ingħaqad ma’ Franġisku t’Assisi f’din it-talba li tibdel lil ħajtek bħalma biddlet lil tiegħu.


O Alla, l-aktar Għoli u Glorjuz, dawwal id-dlamijiet ta’ qalbi u sawwab fija fidi vera, tama ċerta u mħabba perfetta. Agħtini, Mulej għaqal u għerf biex nwettaq tassew ir-rieda mqaddsa tiegħek.


Patri Mario Attard OFM Cap

0